Fid-diskors annwali tiegħu dwar l-‘Istat tal-Unjoni’ Jean-Claude Juncker qal lill-Parlament Ewropew li l-UE għandha żewġ toroq quddiemha– li tinħatt quddiem għajnejna jew li xxammar il-kmiem u tirdoppja l-isforzi tagħha. Juncker qal li qatt qabel ma ra daqshekk differenzi bejn il-mexxejja tal-istati membri li jsemmu biss il-problemi ta’ pajjiżhom u ftit isemmu l-interessi tal-UE. Dan għaliex, skond Juncker, qed jiddgħajfu quddiem il-partiti populisti u huma f’riskju li jitilfu l-elezzjonijiet li jmiss.

Juncker enfasizza li l-Ewropa għandha ssaħħaħ il-politika tagħha ta’ difiża. “Irridu nkunu responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi tagħna u tal-mod ta’ għixien Ewropew.”  Juncker ippropona assi militari komuni u kwartieri ġenerali wieħed għall-operazzjonijiet militari li jaħdmu man-Nato. Din il-kooperazzjoni tista’ tiswa bejn €25 biljun u €100 biljun fis-sena.

Din mhux l-unika bidla li jixtieq il-President tal-Kummissjoni. Hu qal li l-Unjoni għandha bżonn Ministru Ewropew tal-Affarijiet Barranin waqt li fl-istess ħin stieden lir-Rappreżentanta Għolja tal-Affarijiet Barranin tal-UE Federica Mogherini biex tkun preżenti waqt in-negozjati mas-Sirja. B’hekk l-Ewropa jkollha vuċi u l-Ewropa jkollha strateġija għas-Sirja.

Juncker, konxju li l-problemi ma jissolvewx b’summit, irrefera għall-Unjoni ta’ 27 pajjiż, b’riferenza indiretta għan-negozjati dwar il-Brexit. Fil-fehma tiegħu t-tnax-il xahar li ġejjin huma deċiżivi għall-għaqda tal-Unjoni.

“Il-moviment tal-ħaddiema huwa valur Ewropew, l-istess huma l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu.” saħaq Juncker. Rigward it-Turkija qal li l-Ewropej huma kontra l-piena kapitali għax jirrispettaw u jemmnu fil-valur tal-ħajja umana.

Ma setax jonqos li Juncker jitkellem dwar l-immigrazzjoni illegali u l-kriżi tat-terroriżmu. Qal li s-solidarjeta` trid tiġi mill-qalb u ma tistax tkun imposta. Juncker qal ukoll li s-sigurta` ma għandhiex tħallas il-prezz minħabba t-tolleranza. Għalhekk saħaq dwar l-importanza li nkunu nafu min huma n-nies li qed jaqsmu l-fruntieri.

Dwar il-Polonja,  Juncker tkellem dwar l-importanza tad-demokrazija u r-rispett lejn il-liġijiet. “Il-Polonja hija nazzjon kbir.  L-Ewropej jemmnu f’sistema ġudizjarja li hija indipendenti u effettiva fejn il-qrati indipendenti jżommu għajnejhom fuq il-gvernijiet, il-kumpaniji u n-nies.”

Juncker tkellem dwar il-kummerċ tal-UE ma’ pajjiżi oħra madwar id-dinja. Qal li l-UE għandha 140 pajjiż li magħhom tagħmel il-kummerċ. L-esportazzjoni hija importanti għax “Għal kull €1 biljun li nesportaw, jinħolqu 14, 000 impjieg madwar l-Unjoni.” Fil-fehma tiegħu, il-ftehim ta’ kummerċ tal-UE mal-Kanada, imsejjaħ CETA, huwa l-aħjar ftehim li setgħet qatt tinnegozja l-Unjoni.

Il-President tal-Kummissjoni tkellem ukoll fuq il-kumpanija Apple u l-politika ta’ tassazzjoni. Tkellem dwar ġustizzja fejn kemm il-konsumaturi u kemm il-protezzjoni tal-industrija Ewropea jkunu kontra l-abbużi minn kumpaniji multinazzjonali. “Kull kumpanija, kbira jew żgħira, għandha tħallas it-taxxi fejn qed tagħmel il-profitti.” qal Juncker.

Juncker uża dan id-diskors biex jipprova jgħaqqad ix-xquq li qed jidhru fl-Unjoni Ewropea, l-aktar dwar il-politika tal-immigrazzjoni waqt li ammetta li l-blokk Ewropew qed isofri minn kriżi ta’ eżistenza wara d-deċiżjoni tar-Renju Unit li toħroġ mill-UE. Kemm se jirnexxielu għad irridu naraw x’se jsir fix-xhur li ġejjin.

 

TNAX-IL XAHAR DEĊIŻIVI GĦALL-UNJONI EWROPEA

Fid-diskors annwali tiegħu dwar l-‘Istat tal-Unjoni’ Jean-Claude Juncker qal lill-Parlament Ewropew li l-UE għandha żewġ toroq quddiemha– li tinħatt quddiem ...
Read More

TAL-VISEGRAD IRIDU SAĦĦA AKBAR GĦALL-PARLAMENTI NAZZJONALI

Waqt li l-Ungerija ressqet il-qorti għaxar immigranti li ppruvaw jidħlu fit-territorju tagħha, il-pajjiżi tal-Visegrad – il-Polonja, l-Ungerija, is-Slovakkja u r-Repubblika ...
Read More

L-EWROPA GĦANDHA TIPPROMOVI ĠUSTIZZJA SOĊJALI REALI

F’intervent waqt id-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni, l-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu li l-politika tal-Unjoni Ewropea għandha ...
Read More

ARTIKLU 50 JIĠI ATTIVAT F’JANNAR/FRAR 2017

Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk qal li l-Prim Ministru Ingliża Theresa May mistennija tattiva artiklu 50, li permezz tiegħu jibdew ...
Read More

BIEX IL-POLONJA SSOLVI L-KRIŻI KOSTITUZZJONALI

Il-Parlament Ewropew esprima t-tħassib dwar il-paraliżi tat-Tribunal Kostituzzjonali fil-Polonja li qed jipperikola d-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-osservanza tal-liġi. Ir-riżoluzzjoni għaddiet ...
Read More

BARROSO INVESTIGAT

Wara l-ittri li rċieva mingħand l-Ombudsman Ewropew Emily O’Reilly, il-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker fetaħ investigazzjoni fuq il-predeċessur tiegħu Jose` ...
Read More

FAVUR IL-PAGA MINIMA GĦALL-EWROPA KOLLHA

Kważi 40 sena wara li Malta lleġislat dwar il-paga minima, il-Parlament Ewropew irrakkomanda lill-istati membri paga minima minn tal-inqas 60% ...
Read More

L-OKTOBERFEST MAGĦNA

Kuntrarju għal dak li bosta jaħsbu, l-Oktoberfest hija l-kommemorazzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tat-tieġ bejn il-Prinċep Ludwig u l-Prinċipessa Therese von Sachsen-Hildurghausen li ...
Read More

Facebook Comments

Post a comment