Il-Greċja qed titlob li l-Unjoni Ewropea twaqqaf is-sanzjonijiet kontra r-Russja, basta dan isir skond il-ftehim ta’ Minsk. Is-sanzjonijiet Russi qed ikomplu jaffettwaw ħażin l-ekonomija Griega. Tsipras kien f’Moska fejn ma’ Putin iddiskuta r-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Tsipras ma rnexxilux jikkonvinċi lil Putin ineħħi l-veto fuq l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli Griegi. Putin qal li r-Russja ma tistax tagħmel eċċezzjonijiet għal pajjiż wieħed. ‘Sa ftit ilu il-Greċja kienet l-akbar sieħeb kummerċjali tar-Russja, iżda fl-aħħar sena l-kummerċ bejn il-Greċja u r-Russja naqas b’40%.’ Qal Putin.
Iż-żjara ta’ Tsipras f’Moska qanqlet reazzjonijet fl-UE. Il-Ministru tal-Finanzi tal-Awstrija Hans Joerg Schelling iddejjaq li Tsipras mar Moska meta l-Greċja u l-UE kienu f’nofs taħditiet. ‘Ma naħsibx li din kienet logħba f’waqtha’, qal Schelling. Il-Belġjan Guy Verhofstadt, Kap tal-Liberali qal ‘Putin ma jistax isalva lill-Greċja, l-UE biss tista’ ssalvaha. Tsipras għandu jimxi mar-regoli komuni tal-UE u jagħmel riformi meħtieġa fil-Greċja.’
Tsipras qal li l-Greċja mhix tittallab, imma qed tfittex soluzzjonijiet għall-problemi ekonomiċi ma’ pajjiżi oħrajn. ‘Il-Greċja hija stat sovran u għandha dritt għal politika barranija tagħha.’
Esperti mill-Ministeri tal-Finanzi ltaqgħu fi Brussel fl-aħħar jiem bi tħejjija għal-laqgħa tal-Eurogroup f’Riga fl-24 ta’ April. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-progress bejn il-Greċja u l-UE qed isir pass wara pass.

Facebook Comments

Post a comment