Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 il-Kummissjoni Ewropea ħolqot diversi miżuri biex tħares aktar liż-żona ewro. Waħda minnhom kienet il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja. Dan sar biex il-banek ikunu aktar prudenti, titjieb il-protezzjoni tad-depożitatur u jitfasslu regoli ta’ tmexxija għal dawk il-banek li jiltaqgħu ma’ problemi. Dawn ir-regoli qed jitħaddmu fit-28 pajjiż membri tal-UE.

Il-kriżi finanzjarja evolviet fi kriżi fil-pajjiżi tal-ewro. Peress li l-pajjiżi fiż-żona ewro jaffettwaw lil xulxin u huma dipendenti minn xulxin, ġie deċiż li jinħolqu strutturi oħra maħsuba biex jissorveljaw u jikkontrollaw lill-banek, bl-għan li ma jerġax jiġri l-istess. Dawn l-istrutturi japplikaw biss għall-pajjiżi taż-żona ewro u jagħtu poteri assoluti lill-Bank Ċentrali Ewropew. Fiż-żona ewro hemm madwar 6000 bank. Il-Bank Ċentrali Ewropew jissorvelja direttament l-ikbar banek taż-żona ewro filwaqt li kontrolluri nazzjonali jkomplu jissorveljaw il-kumplament tal-banek. L-għan huwa wieħed – li jkun hemm sistema li tiżgura li l-banek qed iżommu mar-regoli bankarji tal-UE, biex jekk jinqalgħu kumlikazzjonijiet ikunu indirizzati fi stadju bikri.

Facebook Comments

Post a comment