“Mit-tifkiriet li għandi tat-tabib Ċensu Moran, l-aktar li jibqgħu msammra f’moħħi huma dawn:
Niftakru bħala ministru tas-saħħa, jdawwar lili u lil tnejn minn sħabi ma’ xi swali tal-isptar San Luqa. L-istrajk tat-tobba kien għadu fis-seħħ imma l-agħar kien ilu ftit li għadda. Kienet ħaġa ċara li Dr Moran kien jaf l-isptar minn ġewwa sa barra, kien iżur kull roqgħa tiegħu ta’ spiss u kien jitkellem ma’ kull min jiltaqa’, pazjenti u personnel mediku, b’entużjażmu u attenzjoni. Ma kien jaħrablu xejn mill-affarijiet li jikkonċernaw it-tmexxija tal-isptar.

Niftakru f’xi laqgħat tal-grupp parlamentari u l-eżekuttiv nazzjonali tal-PL li għal xi snin kienu jsiru flimkien: rari kien jitkellem imma meta jidħol f’diskussjoni kien jagħmel interventi ċari, sodi u prudenti.

Niftakru meta wassalni biex inżur fid-dar tagħhom Raħal il-Ġdid, lil martu Maggie wara li temmejna ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħelsien. Kienet riesqa lejn l-aħħar tal-marda kiefra li ħakmitha. Baqgħet kuraġġ ta’ sur, bħal dejjem, għalkemm imqagħbra bil-marda; hu kien imnikket u ta’ ftit kliem. F’mument minnhom, qaltli mingħajr ma sema’ hu biex ma ninsewhx u nieħdu ħsiebu.

Niftakru meta qam il-każ, immexxi minn Dun Joe Borg, dak iż-żmien inkarigat mill-RTK, fejn inħadmet “sting operation” kontrih. Kellna diskussjoni kalma għalkemm diffiċli. Hu kien ħa d-deċiżjoni li jagħmel dak li jaqbel għall-PL. Ammirajtu…

U tifkira ta’ żmien wara dak l-inċident, meta ċempiltlu biex ngħarrfu li l-PL kien iddeċieda li jaħtru imsieħeb tal-Partit għal ħajtu
Ċensu Moran kien bniedem uman, dħuli, ferrieħ, politiku stuż u mġarrab, ministru li rnexxa f’ministeru diffiċli fi żmien diffiċli, tabib mill-aqwa li ta servizz mill-aqwa lill-pazjenti tiegħu speċjalment lil dawk li lanqas setgħu jħallsu. Il-lealtà tiegħu lejn il-Partit Laburista kienet eżemplari.

Il-kontribut kbir li ta lill-Partit Laburista u lill-pajjiż ma jintesiex.”

Facebook Comments

Post a comment