Wara r-referendum tad-divorzju, qed jgħidulna li gonzi-pn jinsab fi kriżi ta’ identità. Il-partit kien ipproklama ruħu kontra d-divorzju bħala punt ta’ prinċipju. Il-mexxej tiegħu iddikjara li biex id-divorzju jidħol, ikun hemm bżonn ta’ referendum u dan inżamm. Matulu, saret ħaġa ċara li gonzi-pn eċċezzjonalment għal dal-partit, ma kienx magħqud fuq il-kwistjoni tad-divorzju. Il-poplu vvota favur. Il-fatt, qalulna, li l-pożizzjoni ta’ gonzi-pn ġiet sfiduċjata b’dal-mod, ipprovoka kriżi ta’ fehmiet u twemmin fi ħdan il-partit. Fejn għal ħafna snin, l-ideat tal-PN u ta’ gonzi-pn kellhom warajhom maġġoranza fil-pajjiż, did-darba le, minkejja li l-Knisja Kattolika ħarġet bi ħġarha ma’ gonzi-pn kontra d-divorzju.

Bħalma jiġri wara disfatta politika, qamet diskussjoni dwar x’mar ħażin u għaliex. Issemma’ li kienet tfaċċat qasma bejn il-qalba tradizzjonali jew “demokristjana” ta’ gonzi-pn, sejħilha li trid, u l-ġewnaħ modern, “liberali”, sejjaħlu li trid. Fil-kunsill ġenerali tal-partit li nżamm ix-xahar li għadda, nżammet diskussjoni fuq dan kollu. Ħa sehem fost oħrajn il-ħabib tiegħi il-professur Joe Friggieri. Dak li qal ġie rappurtat b’mod mifrux u d-diskors tiegħu deher fil-ġurnal il-mument. Meta qrajtu, qiest li l-analiżi tiegħu jixirqilha riflessjoni kritika.

BIBIEN U TWIEQI MIFTUĦA

F’kull għaqda tal-bnedmin, minn partit politiku sa kumpanija privata sa klabb sportiv jew knisja, teżisti kultura jew xibka ta’ fehmiet, twemmin u ideat li jorbtu l-membri tal-organiżazzjoni madwar għan jew għanijiet komuni. Dix-xibka ta’ fehmiet iżżommhom magħqudin billi tagħtihom għodda ħalli jkunu jistgħu jaħdmu flimkien; ħalli jifhmu l-ambjent ta’ madwarhom u jaġixxu fuqu; u ħalli jipprevedu l-futur. Biex iżżomm qawwija, organiżazzjoni trid tkun dotata b’kultura – għidilha ideoloġija, jekk trid – li tirrispondi b’mod adekwat għaċ-ċirkostanzi li tkun qed tiffaċċja.

Hu fuq dan l-aspett li Friggieri jagħfas. Igħid li seħħet bidla radikali fil-pajjiż li gonzi-pn ma għarafx tajjeb. Skont hu, id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea minnu nnifsu ħoloq il-kondizzjonijiet ta’ bidla hekk li “l-iva tal-lum hi konsegwenza tal-iva ta’ seba’ snin ilu”. Ifisser dil-ħaġa per mezz tal-metafora: “Ma tistax tiftaħ il-bibien u t-twieqi u tistenna li ma jidħolx ir-riħ”.

Forsi fid-diskors tiegħu, kienet dil-metafora li laqtitni l-aktar. Fakkritni f’artiklu li kont ippublikajt f’Ottubru 1978, f’ġurnal tal-Ġiżwiti li ilu li għalaq. Żgur li Friggieri ma qrahx jew jekk qrah, nsieh. Fih, jien kont tajt ħarsa lejn il-bidla għaddejja f’dak iż-żmien, f’rabta mal-oqsma tal-kritika u l-letteratura.

Ktibt hekk: “Li ġara matul l-aħħar għoxrin sena, kien li s-soċjetà Maltija bdiet issir waħda ta’ xeħta ‘miftuħa’… Din hi bidla li ġarrbuha jew qed iġarrbuha kważi l-ex-kolonji tal-pajjiżi Ewropej, bħal ngħidu aħna l-Eġittu. Biex ifisser il-qagħda ta’ pajjiżu fis-snin ħamsin, Gamal Abdel Nasser kien qabbilha ma’ kamra ta’ marid, bit-twieqi kollha magħluqa għal żmien twil u fejn is-sħana dejjem tikber. F’daqqa jinfetħu t-twieqi u jgħaddi riefnu ġol-kamra, jaqleb l-għamara ta’ taħt fuq…”

Fl-Eġittu tas-snin ħamsin, f’Malta ta’ tmiem is-snin sebgħin u f’Malta tal-lum, ingħarfet bidla li seħħet jew qed isseħħ fost il-poplu. Ir-raġuni għal dil-bidla qed jintqal li seħħet, jew qed isseħħ, għax “infetħu l-bibien u t-twieqi”.

Jekk naċċettaw li bidla fis-soċjetà qed titqanqal mill-ftuħ tagħha, tqum mistoqsija: x’inhuma l-kawżi ta’ dal-ftuħ? Imbagħad, trid tistaqsi jekk l-ispjega mogħtija ssibx konferma fil-fatti.

IL-KONFERMA TAL-FATTI

Jekk ikun hemm dil-konferma, l-ispjega u l-analiżi li fuqha sserraħ, jistgħu jitqiesu bħala “korretti”. Jekk għaqda se timxi fuqhom biex tadatta l-kultura tagħha skont l-effetti ta’ bidla, se tkun qiegħda fis-sod meta tiġi għal għarfien tal-preżent u għal proposti dwar il-futur.

Imma anki meta l-fatti ma jikkonfermawx l-analiżi, għaqda ta’ bnedmin xorta tista’ tagħżel dik l-analiżi. Tagħmel hekk għal raġunijiet li ma jkollhomx x’jaqsmu ma’ xinhu “korrett” jew le. L-analiżi u l-ispjega mogħtija jistgħu ngħidu aħna jservu ta’ pjattaforma mitika, li żżomm sodi r-rabtiet bejn il-membri tal-għaqda.

Lanqas tista’ tgħid li bażi “korretta” ta’ analiżi u spjega hi dejjem superjuri għal bażi mitika. Jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn għaqda ta’ bejn il-bnedmin ikollha l-aktar bżonn ta’ riċetta mitika biex tgħatti l-kunsenturi fil-binja tagħha, waqt li ssostni r-rankatura fil-ħidma.

Fid-diskors tiegħu, Friggieri jammetti li s-sinjali tal-“bidla fil-mentalità, fl-aspirazzjonijiet u fil-mod tal-għajxien tagħna l-Maltin” kienu ilhom jinħassu. Imma jistqarr li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea serva “ta’ katalist biex dik il-bidla sseħħ b’mod iżjed imgħaġġel u aktar radikali minn qabel”. Jorbot dan mal-idea li skont hu, ispirat liż-żgħażagħ favur l-Ewropa: l-idea tal-libertà. Dan fisser li bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, is-soċjetà tagħna nfetħet bil-kbir għax irranka bil-qawwi fostna l-kunċett tal-libertà. U allura seħħ il-vot ta’ iva favur id-divorzju.

IL-LIBERTÀ

Issa dan l-effett ta’ katalist tal-libertà kif imsemmi, hu wieħed li jista’ jiġi verifikat u mkejjel b’mod fattwali.

U hawn tinsab il-problema l-kbira bl-ispjega ta’ Friggieri, għax din ftit li xejn tikkorrispondi mal-fatti. Tidher bħala ħaġa ċara skont il-parametri ta’ “libertà” kif isemmihom Friggieri nnifsu, li fattwalment wieħed ma jistax jirrikonoxxi xi effett ta’ katalist u xi progress fl-aħħar snin f’pajjiżna.

Bħala turija tal-libertà hu jirreferi għall-“espressjoni ħielsa, għall-għażla libera ta’ kif wieħed jgħix u jfassal ħajtu”, mhux lanqas miż-żgħażagħ.

Fil-kuntest ta’ kif żdied il-klijenteliżmu politiku, li llum qed jiġi organizzat b’mod kompjterizzat; fil-mod kif xbieki mifruxa ta’ patrunaġġ jinfluwenzaw l-aċċess għal studji u impjiegi; fit-tnaqqis ta’ protezzjoni għaż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol akkumpanjat minn żieda f’impjiegi prekarji; fiċ-ċeklem ċeklem biex ikollna politika serja ta’ saħħa u ħarsien sesswali; fl-esplojtazzjoni sfaċċata taż-żgħażagħ fil-postijiet ta’ divertiment; fiż-żieda taċ-ċensura; fil-firxa tal-prostituzzjoni u traffikar ta’ persuni minn Malta; fiż-żieda fil-faqar relattiv, ma narax li dawn l-iżviluppi jorbtu fattwalment mal-argument ta’ Friggieri li kien hemm fostna xi effett katalist fuq l-espressjoni ħielsa, jew l-għażla libera ta’ kif wieħed jgħix u jfassal ħajtu.

B’mod konkret, l-aqwa impatt kulturali u soċjali tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea sa issa kien fit-tneħħija tal-kaċċa u l-insib. Mill-bqija kulturalment żgur, ma narax xi ċaqliqa oħra, tajba jew ħażina, li ma setgħetx ġrat taħt ċirkostanzi oħra.

Hemm eċċezzjoni waħda forsi: il-mod kif fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livelli kollha, sirna kulturalment – biex ma ngħidx psikoloġikament ukoll – dipendenti fuq il-prattika tal-Unjoni Ewropea. Bħal meta per eżempju waqt seduta parlamentari dwar liġijiet tekniċi, tinbidel diċitura ta’ artiklu tal-liġi Maltija biex tiddaħħal minflokha diċitura inferjuri għaliha minn direttiva Ewropea, sempliċiment għax la nkitbet hekk fi Brussell, aħjar tinkiteb hekk f’Malta wkoll.

DEFINIZZJONI OĦRA TA’ LIBERTÀ

Il-punt jibqa’dan : hemm inkongruwità fl-argument tal-Professur Friggieri li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea xpruna s-sentiment ta’ libertà fostna u wassal biex is-soċjetà tagħna tant infetħet bil-qawwi, li l-poplu qabel mad-divorzju. Talanqas għall-ewwel hekk ħsibt meta qrajt it-test tad-diskors ta’ Friggieri.

Imma mbagħad indunajt li fid-diskors, tiżżerżaq definizzjoni oħra ta’ xinhi l-“libertà”. Ma tibqax per eżempju l-“għażla libera ta’ kif wieħed jgħix u jfassal ħajtu”. F’parti oħra tad-diskors, bħala turija ta’ x’riedu “ż-żgħażagħ” bil-libertà naqraw li dawn “riedu jegħlbu l-limiti imposti miċ-ċokon ġeografiku ta’ gżiritna u jħossuhom parti minn entità akbar, parti minn kontinent… (għax) kellna l-periklu tal-iżolament – iżolament fiżiku li jġib miegħu iżolament mentali u kulturali”.

B’din it-tieni definizzjoni, m’għadniex nitkellmu dwar libertà kif jifhmuha ż-żgħażagħ jew ix-xjuħ. Dħalna fil-lingwaġġ li bih l-ogħla saffi ta’ poter fi ħdan gonzi-pn isostnu l-kultura tal-għaqda tagħhom.

Jintqal x’jintqal, aktar ma jgħaddu s-snin, aktar jidher ċar li l-PN u issa gonzi-pn hu magħmul minn partit ta’ massa mibni madwar klikka ta’ ħakma (power elite) f’soċjetà ċkejkna ħafna, li tul deċennji għarfet sew kif issostni u ġġedded il-poter tagħha. Dil-klikka ta’ ħakma żviluppat f’żewġ fazzjonijiet, waħda tistrieħ l-aktar fuq l-għejun ta’ poter tradizzjonali u konfessjonali fil-pajjiż (Knisja, professjonijiet), l-oħra fuq negozjanti u nies qribhom, professjonisti jew le.

Fir-realtà meta tqis ir-rabtiet u l-interessi familjari, professjonali u oħrajn li bilfors ikunu qawwija f’soċjetà bħal tagħna, id-differenzi bejn iż-żewġ fazzjonijiet qatt ma kienu daqstant ċari. U hemm każi numerużi fejn individwi jistgħu jitqiesu bħala parti miż-żewġ fazzjonijiet. Matul is-snin, dil-klikka tal-poter għarfet twessa’ l-firxa tagħha u dan għamlitu, anki ġieli billi fuq bażi personali qdiet u nkludiet fiha individwi li bdew bħala avversarji tagħha. Fejn fazzjoni temfasizza r-rabtiet tradizzjonali ta’ qima, l-oħra temfasizza li n-negozju kemm jista’ jkun jingħata d-dritta.

Il-fazzjonijiet ħadmu flimkien meta ġew biex jilqgħu għall-effetti tal-ftuħ fil-pajjiż ikkawżati mill-Indipendenza tal-1964; meta qalbu lill-PN f’partit ta’ massa; meta qalbu għal-lingwaġġ u l-politika tad-demokristjani Taljani; meta addottaw il-politika tal-privatiżazzjoni u tas-“suq ħieles”; meta fl-interess tal-kisba tal-poter qalbu għall-kunċett ta’ gonzi-pn. Matul dawn il-bidliet kollha, ir-rabtiet ta’ patrunaġġ u ta’ interess reċiproku baqgħu politikament imħarsa.

Il-kunsenturi tal-lum ħarġu fil-beraħ għax il-proċessi ta’ bidla soċjali qed jheddu l-mekkaniżmi ta’ kontroll soċjali li l-fazzjoni tradizzjonali tara bħala essenzjali, marbuta l-aktar mal-prattika tal-kult Kattoliku. Friggieri jemmen li l-bidla soċjali ma tistax titwaqqaf aktar. Imma jekk il-fazzjoni tradizzjonali tibqa’ tirreżisti dil-bidla għax taraha wisq ta’ theddida, se timmina l-koeżjoni ta’ gonzi-pn u għalhekk is-suċċess tagħha bħala makna ta’ kisbiet elettorali. Effettivament, Friggieri qed jirrispondi għall-mistoqsija: x’jista’ jwassal lill-fazzjoni tradizzjonali biex ma tibqax tirreżisti l-bidliet soċjali kkawżati mill-bibien u t-twieqi miftuħa?

MALTA HI VIJABBLI?

Forsi mingħajr ma ried, biex jasal għal dan, lil hinn minn kwistjonijiet ta’ ekonomija u ta’ libertà, Friggieri jerġa’ jesponi s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għal dak li fundamentalment kienet u hi: deċiżjoni li Malta mhix f’pożizzjoni li tkun tassew vijabbli politikament u ekonomikament bħala stat sovran minħabba ċ-ċokon u l-iżolament tagħha. Dan hu l-pern fondamentali li dejjem rabat flimkien liż-żewġ fazzjonijiet ta’ gonzi-pn fi blokk konservattiv.

Biex inkunu għedna kollox: id-dilemma quddiem il-poplu Malti dejjem kienet din: “waħidha”, Malta tista’ tkun vijabbli, tirnexxi, ssalva, żżomm fil-wiċċ (agħżel liema kelma trid)? jew teħtieġ l-appoġġ, l-għajnuna, is-sostenn, il-protezzjoni, is-sħubija (agħżel liema kelma trid) ta’ potenza barranija? U tista’ tgħid li kważi dejjem, maġġoranza tal-poplu Malti tat tweġiba ta’ le għall-ewwel mistoqsija u ppreferiet futur ta’ għaqda u dipendenza ma’ enti akbar. Dan ġara fir-rigward tal-Italja u r-Renju Unit; fi żminijietna, ġara fir-rigward tal-Unjoni Ewropea.

Biss, il-blokk konservattiv ma poġġiex dil-konklużjoni bħala l-pern tal-ħidma tiegħu sempliċiment minħabba l-fehma li għaqda ma’ enti akbar jew dipendenza fuqu, se jiggarantixxu stabbiltà fil-pajjiż. Aktar minn hekk, iż-żewġ fazzjonijiet – it-tradizzjonali u l-oħra li llum qed isejħulha liberali – qiesu l-għaqda ma’/dipendenza fuq enti akbar, bħala mekkaniżmu li jsostni l-eġemonija politika tal-lemin u jżomm lura r-rebħa ta’ forzi xellugin, progressivi, laburisti, soċjalisti (agħżel il-kelma li tippreferi).

Mhux ta’ b’xejn li l-PN adotta l-politika li jgħaqqad lil Malta mal-Unjoni Ewropea ftit wara l-elezzjoni tas-sena 1976, mirbuħa mill-Partit Laburista għalkemm b’marġini relattivament iċken minn fl-elezzjoni tal-1971. Dik it-tieni rebħa konsekutiva Laburista donnha tat sinjal li mingħajr dell protettur minn barra, l-eġemonija tal-lemin tista’ tintilef għal żmien twil.

SPJEGA FALZA, MIT ĠDID

Meta tneħħi r-referenzi għal żgħażagħ u mhux żgħażagħ fid-diskors tal-ħabib tiegħi Joe Friggieri, is-sens veru, intimu tat-twiddiba tiegħu lill-klikka tal-poter (power elite) ta’ gonzi-pn hi din: waqt li niffaċċjaw il-bidliet soċjali ta’ madwarna, ma nistgħux nheddu l-għaqda ta’ bejnietna; din l-għaqda tintrabat mal-fatt li llum nappartjenu għall-Unjoni Ewropea, pern essenzjali biex inżommu flimkien u biex inżommu l-poter; sħubija fl-Unjoni Ewropea inevitabbilment ġabet magħha l-bidliet soċjali ta’ madwarna, li qed idarrsu lil uħud minna; mela hu fl-interess ta’ kulħadd fostna li ma niddarsux aktar bil-bidliet soċjali li qed iseħħu, imma rridu naċċettawhom.

Li hemm falz f’din l-ispjega, hu dan: mhux minnu li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea “taħti” bħala katalist, għall-bidliet li jġib riħ f’kamra fejn jinfetħu t-twieqi u l-bibien. Il-bidliet kienu jseħħu xorta waħda taħt kwalunkwe xenarju ta’ żvilupp politiku f’pajjiżna. Jaħtu għall-bidliet, il-ġrajjiet interni f’Malta ta’ bejn l-1964 u l-1979, kif ukoll ir-revoluzzjoni kbira li seħħet fit-teknoloġija tal-komunikazzjoni u tal-informatika fl-aħħar tletin sena, magħquda mal-globaliżazzjoni.

Aktar milli jispjega “tajjeb” ir-realtà quddiem gonzi-pn, id-diskors ta’ Friggieri jfittex li joħloq mit adekwat li bih jistgħu jissewwew il-kunsenturi fi ħdan il-partit fil-gvern. Il-mit jibni fuq l-aqwa idea li żżomm flimkien iż-żewġ fazzjonijiet li jiddefinixxu llum il-lemin fil-poter, l-idea jiġifieri li Malta tkun “parti minn entità akbar”. Dan ftit għandu x’jaqsam mal-libertà. L-idea tfittex li tassigura stabbiltà interna fi ħdan gonzi-pn u ċansijiet aħjar għaż-żamma ta’ eġemonija politika mil-lemin.

Se jkun interessanti fiż-żmien li ġej, li naraw kemm dal-mit propost minn Friggieri se jidħol fil-kuxjenza ta’ gonzi-pn. Wara, jekk il-mit jitwemmen, se jkun interessanti li nsegwu kemm se jkun effettiv biex jikkalma d-diżgwid fi ħdan il-klikka tal-poter tal-partit fil-gvern.

ARTIKLU, IT-TORĊA, 10 TA’ LULJU 2011