Kif kien wiegħed li se jagħmel, il-gvern Ingliż ta’ David Cameron telaq minnufih biex iwettaq il-proġett tiegħu li jirrinegozja s-sħubija ta’ pajjiżu fl-Unjoni Ewropea biex wara jissottometti s-sħubija għal referendum. Cameron għamel żjarat f’ħames kapitali, fosthom f’Berlin u ltaqa’ mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker. Ir-Renju Unit hu mistenni fil-ġimgħat li ġejjin jipproponi l-kapitli li dwarhom irid jinnegozja u sa fejn irid iwassal it-tibdil fihom.
Kemm ilha li saret l-elezzjoni Ingliża, il-pożizzjoni ta’ Cameron bdiet tittieħed aktar bis-serjetà, anki dwar il-moviment ħieles tal-persuni fi ħdan is-suq komuni Ewropew. Sa ftit taż-żmien ilu kien jintqal li ma setax isiru bidliet f’dal-qasam li hu mitqies bħala fondamentali għall-għaqda Ewropea. Issa beda jidher li d-diskussjoni se tmil lejn x’għandhom ikunu d-drittijiet għal assistenza soċjali ta’ persuni Ewropej li jmorru f’pajjiż ieħor fejn ma jkollhomx xogħol. Cameron irid iqasqas dawn id-drittijiet biex ma jħallix lil min jidħol f’pajjiżu sempliċement biex jibbenefika mill-assistenza soċjali. Din hi linja li x’aktarx togħġob anki lil forzi politiċi tal-lemin fil-Ġermanja.
Madankollu fattur li se jikkomplika l-bigħa hu inizjattiva ġdida li skont ma qed jintqal, qed jikkontemplaw li jieħdu flimkien il-gvernijiet tal-Ġermanja u Franza. Din tkun maħsuba biex iddaħħal miżuri ġodda fit-tmexxija taż-żona tal-ewro u tkun teħtieġ bidla fit-trattati li jsawru l-Unjoni Ewropea. Dwar x’jistgħu jkunu dawn il-bidliet ftit ingħata tagħrif sa issa.
Waħda mill-eżiġenzi ta’ Cameron qed tkun li fit-tħaddim taż-żona ewro, m’għandhomx jintlaqtu ħażin dawk il-membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex membri taż-żona. Biss għal dawk li jimportahom mill-ewro żgur hemm prioritajiet oħra. Fost dawn hemm il-ħtieġa li ż-żona ewro terġa’ taqbad ir-rankatura ekonomika li tilfet, kif ukoll il-priorità li l-governanza tagħha ssir aktar sempliċi u effettiva.

***

LEJN L-AĦĦAR MAL-GREĊJA?

Problema kbira ta-żona ewro fil-fatt għadha dik tal-Greċja, li donnha saret saga li mhi se tispiċċa qatt. In-negozjati bejn il-gvern Grieg min-naħa, u l-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali mill-oħra – l-Istituzzjonijiet, kif saru jsejħulhom – baqgħu jtektku.
Il-gvern Grieg isostni li qed jagħti widen għat-talbiet li jsirulu imma jinsisti li mhux se jikser il-wegħdi soċjali li għamel lill-elettorat tiegħu. L-Istituzzjonijiet jibqgħu jilmentaw li l-gvern Grieg, mhux veru, mhux jagħtihom l-informazzjoni meħtieġa u lanqas jagħmel proposti konkreti li jistgħu jilħqu l-għanijiet li qed jitpoġġew ’il quddiem għas-salvataġġ finanzjarju tal-Greċja.
Intqal li l-Fond Monetarju Internazzjonali kien qed jinsisti li l-Greċja messha timpenja ruħha biex twettaq riformi radikali fl-oqsma tal-pensjonijiet u tas-suq tax-xogħol – żewġ materji li dwarhom il-gvern Gieig bl-ebda mod ma jrid jisma’. Sadattant, bħal ma ġara diversi drabi kemm ilhom għaddejjin in-negozjati, qamet l-għajta li jekk mhux se jintlaħaq ftehim malajr, il-Greċja se tispiċċa mingħajr fondi biex tonora l-obbligi tagħha ta’ ħlasijiet fuq djun tal-passat. Il-gvern Grieg għamilha ċara li jekk jiġi dahru mal-ħajt, il-flus li jkun baqagħlu, se jużahom l-ewwel nett biex iħallas pagi u pensjonijiet f’pajjiżu.
Għal Ġunju, hemm tliet pagamenti sostanzjali li l-Greċja trid tagħmel lil-Fond Monetarju li ħadd ma jaf kif fiċ-ċirkostanzi attwali, se jkunu jistgħu jitħallsu. Qam il-kliem li jekk il-Greċja ma tħallasx dawn il-fondi, ma jfissirx li minnufih se tispiċċa falluta. Iridu jgħaddu ftit tal-ġimgħat qabel il-Bord tal-Fond Monetarju Internazzjonali jiltaqa’ biex jiddikjara formalment li l-fondi ma ngħatawlux.
Waqt li kulħadd jaf li l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk, b’xi mod hekk baqgħu jagħmlu. Madankollu, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jonqos l-ispazju diġà limitat li fih il-Greċja tista’ timmanuvra.

***

IMMIGRAZZJONI: POLITIKA TTEKTEK

Minkejja li numru ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea urew li mhux qed jaqblu mat-tqassim tal-immigranti fosthom per mezz ta’ “kwoti”, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat il-pjan tagħha ħalli tilqa’ għall-kriżi tal-immigrazzjoni rregolari fil-Mediterran. Xi 40,000 mill-immigranti rregolari li diġà jinsabu fl-Ewropa u li jikkwalifikaw għall-ażil, iridu jitqassmu fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Il-pjan tal-Kummissjoni issa se jitla’ fi ftit ġranet oħra quddiem il-Kunsill Ewropew għall-approvazzjoni.
Barra l-kwoti, qed isir xogħol ta’ tħejjija fuq aspetti oħra tal-pjan, bħall-proposta li jitneħħew id-dgħajjes li bihom il-kuntrabandisti tal-immigranti qed jibgħatuhom lejn l-Ewropa. Kontra din il-proposta iddikjaraw ruħhom iż-żewġ gvernijiet tal-Libja li fuq kollox ħlief dwar hekk, sa issa dehru li ma jaqblux bejniethom. Minn rajhom bdew jieħdu xi miżuri kontra t-traffikanti tal-bnedmin imma għamluha ċara — u dwar hekk għandhom raġun — li m’għandhomx mezzi biżżejjed.
Huma jargumentaw li l-Ewropej sa issa ma tawhomx għajnuna biżżejjed u aktar kienu interessati li jaraw x’kuntratti jistgħu jippjantaw għall-futur fil-Libja. Il-fruntieri tas-sud tal-Libja huma mifutħa beraħ u qed imutu ħafna aktar mijiet ta’ immigranti fl-iġbla tas-Saħara milli fl-ilmijiet tal-Mediterran. Dwar hekk, l-Ewropej ftit jidher li jimportahom.
Ma tistax twarrab għal kollox l-argumenti tal-gvernijiet Libjani. Biss il-problema hi li t-tnejn li huma xejn ma jaqblu bejniethom, hekk li potenzi barranin ma jistgħux jaħdmu magħhom. U fl-istess ħin, waqt li huma jillitikaw, il-ġiħadisti jifirxu ż-żoni li jinsabu taħt il-kontroll tagħhom. Minħabba li s-sitwazzjoni mħawda fil-Libja ma jidhirx li se tikkalma malajr, l-Ewropej biħsiebhom isostnu l-pjan ta’ azzjoni diretta kontra t-traffikanti tal-bnedmin. Ma tistax tlumhom.

Facebook Comments

Post a comment