Il-proċess li bih il-gvern ġdid Grieg qed ifittex li jinnegozja ħalli jinħafer id-dejn kbir li l-Greċja tellgħet fl-aħħar snin mal-pajjiżi taż-żona ewro telaq matul il-ġimgħa. Il-Prim Ministru Tsirpas u l-ministru tal-finanzi Varufakis żaru l-kapitali l-kbar biex jitkellmu mal-mexxejja Ewropej li magħhom iridu jiftehmu. Bħalissa n-naħat differenti qed jesploraw xinhuma t-talbiet li jistgħu jsiru u kif jistgħu jintlaqgħu.
Min-naħa tal-Ewropej sorsi uffiċjali żammew bixra ta’ bruda. X’ġie negozjat u miftiehem jibqa’ jgħodd: dak hu l-messaġġ li taw. Min-naħa Griega, l-emfażi fuq li d-dejn għandu jitqasqas ma baqgħetx qawwija. Minflok bdew jissemmew ċedoli ta’ self li l-imgħaxijiet fuqhom suppost ikunu marbuta mat-tkabbir ekonomiku li jkun għaddej fil-Greċja; jew inkella ċedoli “perpetwi”, li fuqhom l-imgħax ikun baxx u li ma jkollhomx data li fiha jissarrfu. L-aqwa li l-piżijiet finanzjarji jitħaffu: dak kien l-argument li l-ministri Griegi bdew iwasslu.
Ninsabu fil-bidu ta’ diskussjonijiet iebsa li jistgħu jitwalu, għalkemm dan ma hu fl-interess ta’ ħadd. Fl-Ewropa jezisti għarfien ċar li l-battibekki mal-gvern Grieg se jkunu delikati. Lil hinn mill-Greċja, qed ikun hemm ħafna u ħafna nies, speċjalment fil-pajjiżi Ewropej tan-nofsinhar li qed jaraw l-iżviluppi fil-Greċja bħala s-sinjal kbir li l-politika tal-awsterità… tal-issikkar taċ-ċintorin… għadda żmienha.

***

X’GĦANDU JSIR?

Fil-laqgħa tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet nazzjonali tas-soċjalisti fil-Parlament Ewropew qajjimt il-ħtieġa li ssir diskussjoni fil-grupp ta’ deputati dwar xinhu għaddej fil-Greċja. Hemm bżonn li s-soċjalisti jkollhom pożizzjoni ċara u qawwija, li tiddistingwihom mill-partiti l-oħra; inkella se jiġu mqabbla mal-konservattivi. Kien hemm qbil li fil-laqgħa tal-għada tal-grupp tad-deputati soċjalisti, il-kwistjoni tal-Greċja titpoġġa fuq l-aġenda.
Id-diskussjoni kienet mqanqla. Ħafna soċjalisti jaraw li dak li qed jinħema fil-Greċja jiġġustifika l-argumenti li qajmu fl-aħħar snin kontra l-awsterità. Il-problema madankollu hi li f’għajnejn ħafna nies, is-soċjalisti ċċappsu bil-kbir mal-mod kif ġew organizzati l-hekk imsejħa salvataġġi finanzjarji tal-pajjiżi tal-ewro li spiċċaw fi kriżi. Fost id-deputati soċjalisti li tkellmu kien hemm min qies li għandna nippreżentaw mhux biss pożizzjoni dwar il-Greċja, imma b’mod aktar ġenerali kif iż-żona tal-ewro għandha titfassal biex tkompli tissoda.
Sħaqt fuq il-ħtieġa li l-grupp soċjalista jkollu pożizzjoni politika sempliċi li tistqarr kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet tal-Griegi. Min-naħa l-grupp irid juri li tassew jinsab kontra l-politika ta’ awsterità. Min-naħa l-oħra, irid iżomm kont tal-punt li numru sostanzjali mill-elettorat mhux se jieħu gost jekk iqis li l-flus maħruġa mit-taxxi tiegħu u mislufa lill-Greċja se jsiru duħħan.
Hemm żewġ raġunijiet li jwassluni biex naqbel li għandu jkun hemm negozjati dwar bidla mill-fond fil-ftehimiet taż-żona ewro mal-Greċja. L-ewwel, il-ftehimiet fallew fir-rizultati li taw u se jkomplu jagħmlu hekk. It-tieni, ma nistgħux naċċettaw li l-poplu Grieg, speċjalment dak ħaddiem jew bi dħul żgħir, jibqa’ jiġi mgħaffeġ kif ġaralu fl-aħħar snin. Ħadt gost li l-konklużjoni tal-laqgħa ma kinitx wisq bogħod minn din il-fehma. Id-diskussjoni għandha tkompli.

***

LAQGĦAT BEJN PARLAMENTARI

Saret titħaddem proċedura komplikata fil-mod kif kull sena, il-kontijiet tal-gvernijiet u l-qagħda tal-ekonomiji jiġu miflija mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-aħħar tal-proċedura, il-Kummissjoni tagħti ġudizzju dwar kemm il-baġits qed jitħejjew b’serjetà. Jinħarġu rapporti u pronostki li jitilgħu għad-diskussjoni quddiem il-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet oħra sakemm jispiċċaw quddiem il-Kunsill tal-Ministri.
Jinżammu wkoll laqgħat — bħalma ġara dil-ġimgħa — bejn deputati Ewropej u deputati tal-parlamenti nazzjonali fejn jiġu diskussi materji li qed jinqalgħu hekk kif il-Kummissjoni Ewropea tiġi biex tifli mill-qrib il-baġits tal-gvernijiet.
F’waħda mil-laqgħat plenarji ta’ bejn deputati nazzjonali u Ewropej, tkellimt dwar kif għandu jiġi ttrattat l-investiment li jagħmlu l-gvernijiet. Suġġett li jista’ jitqies tekniku imma importanti.

***

INVESTIMENT MILL-GVERN

Skont ir-regoli tal-Patt għall-Istabbiltà u Tkabbir li l-Kummissjoni Ewropea tuza biex tikkontrolla kif qed jitmexxew il-baġits tal-pajjizi membri, id-defiċit fil-baġit ma jistax jaqbez it-3 fil-mija tad-daqs tal-ekonomija; l-aħjar hu li jinżamm bilanċ bejn dħul u ħruġ.
Biex jintlaħaq dan il-għan, naturali li wieħed jara kif inaqqas l-ispejjez. Issa hemm spiza rikorrenti – dik li ssir biex tħallas għall-pagi u s-servizzi soċjali; u spiza ta’ investiment – li biha l-gvern jibni toroq, skejjel, power stations u binjiet oħra li jibdew irendu wara xi snin li tkun saret l–ispiza fuqhom.
L-investiment hu meħtieġ ħafna għax matul is-snin itejjeb il-kwalità tax-xogħol u tal-ħajja tal-pajjiz. Madankollu, meta qed tonfoq fuqu, l-effett tiegħu ma jinħassx malajr. Mentri meta gvern irazzan l-ispiza rikorrenti tiegħu, l-effett jinħass minnufih u jqumu problemi, ġieli kbar. Issa dejjem skont ir-regoli tal-Patt għall-Istabbiltà u Tkabbir ma ssir l-ebda differenza bejn spiza rikorrenti u spiza fuq investiment. Qed jiġri li l-gvernijiet għal raġunijiet ta’ espedjenza politika, jippreferu li jnaqqsu l-investiment milli l-ispiza rikorrenti. Xorta b’hekk ikunu qed jissodisifaw ir-regoli tal-Patt.
Imma wkoll ikompli jonqos l-investiment fi zmien meta l-forzi politiċi kollha qed jgħidu li fl-Ewropa sirna qed ninvestu ftit wisq.
Fid-diskors tiegħi, sħaqt li hemm bzonn li r-regoli li bihom il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (Ekonomiku) jitwettaq, għandhom jagħmlu distinzjoni bejn nefqa fuq ħteġiet rikorrenti u nefqa fuq investiment. Lil tal-aħħar għandhom jaġevolawha.
Ma kontx l-ewwel wieħed li ħriġt b’dan l-argument. Ilu jiġi injorat għal wisq zmien.

It-Torca – Il-Hadd 8 ta’ Frar 2015

Facebook Comments

Post a comment