Ftit tista’ tgħid affarijiet li ma ntqalux diġà dwar il-ġrajjiet orribbli tal-aħħar ġranet fil-Mediterran, ’l isfel minn pajjiżna. Il-probabbiltà hi li t-traġedji se jkomplu jiġru. Hi ġrajja li mhux se tieqaf mil-lum għal għada. Iċ-ċaqliq massiċċ tal-popolazzjonijiet hu misjuq mill-ġuħ, mill-biża’ u mill-isperanza. Beda jaqa’ taħt il-kontroll ta’ forzi estremisti jew mafjużi.

Quddiem l-Ewropa hemm kriżi umanitarja, kif ukoll waħda ta’ sigurtà. Fattur ewlieni hu l-fatt li l-Libja tinsab fi stat ta’ kollass. Ma narax kif din is-sitwazzjoni tista’ tiġi ffaċċjata aktar billi l-Ewropa tibqa’ tagħmel kif qed tagħmel u tistenna li l-partijiet li jinsabu mqabbdin ma’ xulxin fil-Libja jaslu biex jiftiehmu bejniethom. B’hekk it-tama hi li xi gvern Libjan ġdid jieħu passi biex jilqa’ għall-“problema” tal-immigranti.

Tal-anqas jidher li l-Kunsill Ewropew beda jieħu passi biex jibdel din il-politika. Il-ġrajjiet tal-aħħar ġimgħa urew li żmienha għadda.

***

Wara l-kunsilli

Kif qal il-Prim Ministru jew kważi, ħaġa tajba li seħħet fl-aħħar elezzjonijiet tal-kunsilli lokali kienet li kulħadd ħareġ sodisfatt. X’hemm aħjar minn hekk?

Aħna l-Maltin poplu li ninqalgħu biex ingergru. Jew għax lesti nsibu x-xagħra fl-għaġina jew għax xejn ma naraw tajjeb. Meta tara s-sodisfazzjon fuq wiċċ kulħadd, tieħu r-ruħ.

Issa dan is-sodisfazzjon jista’ jkun ġej għax dawk jew l-oħrajn marru tajjeb aktar milli stennew, jew marru tajjeb daqskemm stennew, jew marru anqas ħazin milli stennew, jew ta’ kontrihom marru agħar milli bassru li se jmorru. Is-sodisfazzjon jissebbel minn diversi raġunijiet. Konklużjoni li ma tgħoddx biss għall-kunsilli lokali.

La d-dinja hi hekk, ikollok tistaqsi għaliex bħala poplu lesti naraw daqstant affarijiet minn lenti sewda.

***

Renzi

Interessanti u akut il-manuvrar parlamentari li qed jagħmel il-Prim Ministru Renzi biex jibdel is-sistema elettorali Taljana. Hu deċiz li jdaħħal regoli li jżidu sew iċ-ċansijiet li partit wieħed jikseb maġġoranza parlamentari u b’hekk ikun jista’ jdaħħal riformi mingħajr ma jiddependi fuq l-appoġġ ta’ forzi politiċi li mhumiex tiegħu. Biss uħud mid-deputati tal-grupp ta’ Renzi – fosthom irjus imlaħħqa – iqisu li sejjer bogħod wisq u se jkun qed idaħħal elementi anti-demokratiċi.

Diffiċli tgħid min għandu raġun; hemm il-punt li dawk li qed jagħmlulu bsaten fir-roti jistgħu jkunu qed ipattuha lil Renzi ta’ xi tumakka li tahom fl-imgħoddi. Biss, għandu raġun jara kif se jagħmel lill-Italja aktar governabbli. Dawk “ta’ kontrih” li huma ta’ rieda tajba għandhom raġun jisħqu li Parlament ma jistax jirriduċi ruħu għal paljazza tal-gvern tal-ġurnata.

Facebook Comments

Post a comment