Meta l-Prim Ministru Ingliża Theresa May iffirmat l-ittra li biha poġġiet it-talba ħalli r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, kienet aktar minn ġimgħa tard fuq id-data li għażlet għall-ewwel biex tagħmel hekk. Ġara li fil-jum magħżul minn May, il-Prim Ministru Skoċċiża Nicola Sturgeon ħabbret li se terġa’ taħdem għal referendum dwar l-indipendenza tal-Iskozja. Din il-mossa ħadet prominenza fl-aħbarijiet tal-ġurnata. May kellha tibdel l-iskeda tagħha. Minn dak in-nhar lil hawn il-Parlament Skoċċiż għadda riżoluzzjoni favur referendum ieħor, kif ħasslet Sturgeon.
Dan l-episodju kien turija oħra tal-qagħda politikament kumplessa fl-Ewropa li l-Brexit ġab miegħu. Il-partijiet kollha nvoluti — u oħrajn li mhumiex jidhru direttament imma qed iħossu li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati serjament — qed iqisu kif se jinbidel ix-xenarju politiku u ekonomiku fl-Ewropa malli jinfetħu n-negozjati. Kull min hu involut se jibda jkollu jikxef idu.
Filfatt, kważi malli May bagħtet l-ittra tagħha, il-Kunsill Ewropew ħareġ abbozz ta’ linji gwida dwar kif għandhom jitmexxew in-negozjati. Fl-aħħar disa’ xhur il-mexxejja tal-Kunsill kienu qed jinsistu li n-negozjati għandhom jitmexxew wara li tkun tpoġġiet it-talba tal-Brexit. Il-mexxejja Ewropej huma mistennija li jiddiskutu bejniethom dawn il-linji gwida aktar tard dax-xahar.

KONTROVERSJA DWAR ĠIBILTÀ

Imma l-istess linji minnufih qajmu kontroversja, u fuq suġġett mhux mistenni, Ġibiltà. Huma daħlu f’ċertu dettall dwar il-problema li tista’ tinqala’ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża. Iż-żewġ territorji li se jispiċċaw issa wieħed ġol-Unjoni u l-ieħor barra, bil-biża’ li jkollhom jidħlu kontrolli tal-passaporti fil-fruntiera ta’ bejniethom. Dan jerġa’ jqajjem il-ġlied tal-imgħoddi dwar il-firda fl-Irlanda. Il-linji gwida tal-Kunsill juru li l-Ewropej se jkunu attenti biex jevitaw dal-biża’.
L-istess reqqa ma ntwerietx meta ġew biex jikkunsidraw il-każ ta’ Ġibiltà, li hi mitqiesa bħala parti mill-art Brittanika (“kolonja” fl-antik) imma li l-Ispanjoli jqisu bħala parti mit-territorju tagħhom. Hi kwistjoni taħraq li ilha s-sekli għaddejja. In-nies ta’ Ġibiltà bl-ebda mod ma jridu jkunu parti minn Spanja. Bir-Renju Unit parti mill-Unjoni Ewropea, kif hi Spanja, nstabet formola biex il-ħajja tibqa’ għaddejja. Għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema jgħixu fi Spanja u kuljum jidħlu jaħdmu bla kontrolli ta’ xejn, f’Ġibiltà. Issa dan kollu se jisfa mgħeżżeż.
Fil-linji ta’ gwida tal-Kunsill, intqal li kwalunkwe ftehim li jikkonċenrna lil Ġibiltà irid ikollu l-appoġġ tal-gvern Spanjol. Dan ġie interpretat fis-sens li Spanja ngħatat veto fuq il-futur ta’ Ġibilità. Qam kjass. Il-gvern Ingliż ħareġ stqarrija fejn sostna li se jiddefendi l-interessi tan-nies ta’ Ġibiltà bl-istess qawwa daqs dawk tal-Ingliżi li jgħixu fir-Renju Unit.
Sadattant, min-naħa tiegħu, l-Parlament Ewropew ma baqax lura. F’temp ta’ ftit jiem, il-gruppi politiċi ħejjew ir-riżoluzzjonijiet tagħhom dwar Brexit. L-għan kien biex il-Parlament jidher li se jkollu rwol importanti x’jilgħab fin-negozjati tal-Brexit daqs il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ministri. Bla dubju, il-Parlament Ewropew – jew dawk li jinsabu fid-direzzjoni tiegħu – jagħtu priorità kbira biex ma jħallux il-Parlament jitwarrab f’li jkun għaddej. Ġieli tieħu l-impressjoni li din hi l-aktar kunsiderazzjoni importanti fil-mod kif jiġu ffaċċjati l-kwistjonijiet li jinqalgħu.

RIŻOLUZZJONI

Meta wasalna għal vot dwar riżoluzzjoni, kif ma setax jonqos, għaddiet dik immexxija flimkien mill-Popolari, s-Soċjalisti u d-Demokratiċi, il-Liberali u l-Ħodor. Hawn donnu li reġgħet faqqset il-koalizzjoni l-“kbira” bejn xellug moderat, ċentru u lemin moderat, li suppost kienet inħallet meta wara t-tluq ta’ Martin Schulz minn President tal-Parlament, ġie elett minfloku Antonio Tajani tal-Popolari.
Fir-riżoluzzjoni, daħlu l-kondizzjonijiet kollha li ssemmew sa issa bħala meħtieġa biex l-Unjoni Ewropea ssostni l-interessi tagħha quddiem membru li jrid jitlaq mis-suq komuni Ewropew. La ddeċieda hekk, dan ma jistax jippretendi li “jgawdi” mill-vantaġġi tal-istess suq jekk mhux lest jassumi l-obbligi li jmorru miegħu. B’mod ġenerali, anki fir-riżoluzzjoni tal-Parlament, il-linja kienet li għandu jintlaħaq ftehim li jsostni l-koperazzjoni u l-ħbiberija bejn ir-Renju Unit u l-bqija tal-Ewropa. It-tnejn għandhom u se jibqa’ jkollhom bżonn ta’ xulxin.
Madankollu, anke waqt li qed itennu din il-fehma, li tista’ titfisser bħala rieda biex id-divorzju li deħlin għalih ikun wieħed ta’ ħbieb, il-pajjiżi Ewropej qed jargumentaw li n-negozjati jridu jsiru b’dal-mod: l-ewwel ikun hemm ftehim jew progress sostanzjali lejh, dwar kif ir-Renju Unit se jinħall mir-rabtiet tiegħu mal-Unjoni; imbagħad jinżammu diskussjonijiet dwar x’relazzjoni għandha tinbena għal wara. Jidher li din il-pożizzjoni hi mnebbħa minn biża’ li fin-negozjati, ir-Renju Unit se jimxi bi strateġija doppja. Waqt li jdaħħal firda bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni, iwassalhom ħalli jaqblu biex iħalluh jagħżel li jżomm il-vantaġġi tas-sħubija fis-suq wieħed Ewropew, waqt li jiżgiċċa mill-obbligi.
Wieħed jifhem kif iqum dal-biża’, li mhux ta’ min iwarrbu. Żgur li jekk issib ix-xoqqa f’moxtha biex tagħmel kif qed ipaspru l-Ewropej, il-Prim Ministru May hekk tagħmel. Filfatt fl-ittra twila li bagħtet lill-President Tusk biex tpoġġi t-talba għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, May tikteb dwar kif id-diskussjonijiet li jsiru biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni għandhom isiru “maġenb” diskussjonijiet dwar kif wara, se titfassal ir-rabta bejn iż-żewġ naħat.
Min-naħa l-oħra, ix-xenarju li bih ir-Renju Unit se jkollu kull makakkerija biex jifred l-Ewropej waqt li dawn jibqgħu ċiċċi beqqi, jidhirli xejn realistiku. L-Ewropej se jkunu kapaċi mela le, li jżommu sod. Il-mistoqsija hi jekk il-qafas li qed ipoġġu għan-negozjati hux se jkun realistiku għaċ-ċirkostanzi li jridu jsostnu ta’ divorzju amikevoli.
Punt kurjuż f’dan hu li fl-ittra tagħha, il-Prim Ministru Ingliż issemmi kemm-il darba fl-istess nifs mal-punti li għandhom x’jaqsmu mat-tmexxija tas-suq komuni Ewropew, il-kwistjoni ta’ kif ir-Renju Unit irid jibqa’ jagħti sehmu fit-tmexxija ta’ programmi ta’ difiża u sigurtà fl-Ewropa.

MOSSI U MANIĠĠI

Hi ħaġa ċara li se nkunu qed naraw ħafna mossi u maniġġi. Uħud qed jgħidu li ma tantx hemm fejn taħli l-ħin u n-negozjati aħjar jirrankaw malajr kemm jista’ jkun. Oħrajn qed isostnu li tant hemm mistoqsijiet komplikati quddiem in-negozjaturi, li anke b’kull rieda tajba, iż-żmien ta’ sentejn għall-ħidma ta’ negozjar allokat mit-trattati, mhux se jkun biżżejjed. Terġa’ oħrajn qed jemmnu li mhux se tintwera rieda tajba tassew fit-tmexxija tan-negozjati. Fehma oħra hi li bil-komplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu, in-negozjati jistgħu jaħarbu mill-kontroll ta’ min qed imexxihom.
Personalment naħseb li dawn huma ftit eżaġerati bħala biżgħat. L-akbar periklu hu li l-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit f’xi ħin jew ieħor, jekk mhux il-ħin kollu, iħossuhom obbligati li jidhru bħala li mhuma jċedu xejn u f’xejn. Jekk se tkun ħaġa diffiċli minħabba f’hekk li jinstabu l-kompromessi, l-biċċa tista’ taggrava.
Min-naħa l-oħra, bħalissa komplikazzjoni kbira oħra ġejja mill-inċertezzi li qed joħolqu l-kampanji elettorali fi Franza u fil-Ġermanja. Min se jkun hemm f’dawn il-pajjiżi dominanti tal-Unjoni Ewropea biex jissorvelja n-negozjati mal-Ingliżi? Bħal-lum ġimgħa tajjeb għalhekk li nagħtu ħarsa lejn l-aħħar żviluppi politiċi fi Franza u fil-Ġermanja.
Imma ma nistgħux inħallu fil-ġenb l-interess ta’ Malta f’dan kollu. Ġew pubblikati studji li qalu kif aħna għandna anqas jew aktar x’nitilfu bit-tluq tl-Gran Brittanja mill-Unjoni Ewropea. Ġimagħtejn oħra mela, inqisu ftit kif Malta tista’ tintlaqat mill-Brexit.

Facebook Comments

Post a comment