SE JKUN HEMM AVVANZ?

L-elezzjoni ta’ Emmanuel Macron bħala President ta’ Franza qed titqies opportunità biex Franza immexxija minnu, u l-Ġermanja mill-kanċellier Merkel, jersqu eqreb ta’ xulxin billi jfasslu proposti għal inizjattivi ġodda Ewropej. Dawn l-inizjattivi jissemmew għal oqsma fejn diġà hemm strutturi mifruxa ta’ tmexxija Ewropea, bħal fiż-żona tal-ewro; u għal oqsma fejn kollox irid jinbena mill-art, bħas-sigurtà u d-difiża.
Tqum il-mistoqsija: għaliex dan ma bediex isir sa minn meta Francois Hollande kien imexxi lil Franza? Filfatt, kien beda jsir. Per eżempju intlaħaq qbil biex għall-aħħar ta’ dis-sena, iż-żewġ pajjiżi jressqu flimkien proposti għal tisħiħ taż-żona tal-ewro. Imma l-impenn għal progress f’dal-qasam u oħrajn kien fjakk.
Jintqal li ġara hekk għax iż-żewġ mexxejja ma kinux biżżejjed komdi ma’ xulxin. Jidher li Hollande kien jemmen li Merkel ftit kellha simpatija mal-problemi li hu kien qed jaffaċċja biex jimmodernizza lil pajjiżu; waqt li hi qieset li Franza ftit li xejn urietha simpatija meta kellha tamministra l-mewġa qawwija ta’ immigranti li faret għal ġol-Ġermanja fl-2015. Forsi din it-tip ta’ tifsira tissimplifika wisq il-problemi.
Hu xinhu, il-qagħda attwali hi li Macron jidher li għandu kontroll kważi totali fuq l-istituzzjonijiet Franċiżi ta’ tmexxija. Għandu bhiex idaħħal riformi qawwija, kif Hollande ma rnexxilux jagħmel. Barra minn hekk, il-Ġermanja qed tħoss li wara Brexit, jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tingħata rankatura ġdida. Macron hu lest li jaħdem id f’id ma’ Merkel u allura issa l-aħjar żmien biex jittellqu proġetti ta’ tisħiħ u ta’ għaqda Ewropea akbar.

TISĦIĦ TAŻ-ŻONA EWRO

Fil-qasam tat-tmexxija tal-ewro, kif nafu, fl-aħħar snin tressqu patafjun ta’ proposti dwar kif din tista’ tissaħħaħ. Kollha kważi baqgħu fuq l-ixkaffa. B’kuntrast, bejn is-snin 2009 u 2013, ittieħdet azzjoni qawwija meta l-isfida kienet kif iż-żona tal-ewro se tilqa’ għat-theddida ta’ fallimenti minn gelgul banek ewlenin u ta’ gvernijiet b’ħofor dejjem jikbru fil-baġits tagħhom. Dak iż-żmien, b’insistenza tal-Ġermanja, ddaħħlu miżuri qawwija tassattivi dwar kif il-pajjiżi membri tal-ewro kellhom imexxu l-finanzi publiċi u l-ekonomija tagħhom. U bdew jiġu nfurzati regoli dejjem aktar stretti fuq it-tmexxija tal-banek u fuq kif l-istess banek li jkollhom importanza Ewropea għandhom jissalvaw meta jispiċċaw mifnija b’diffikultajiet ta’ flus.
Ir-rapporti u l-proposti li saru minn kbarat tal-Unjoni u minn esperti oħra kienu biex iż-żona tal-ewro tiġi ddotata b’teżorerija tagħha; anke b’“ministru” tal-finanzi li skont uħud, kellu jingħata poteri akbar milli diġà għandha l-Kummissjoni Ewropea llum — saħansitra biex tiddetta lill-gvernijiet nazzjonali kif għandhom jissettjaw il-baġit annwali tagħhom. Fost proposti oħra, reġgħet qamet dik li jinħarġu ċedoli ta’ self (“bonds”) li l-piż tagħhom jitqassam fuq il-gvernijiet kollha. Tkellimna fl-imgħoddi diversi drabi dwar dawn il-proposti li madankollu baqgħu fuq l-ixkaffa. Minkejja li saru minn personalitajiet għolja tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, sabu reżistenza kbira mhux l-anqas fil-Ġermanja. Ukoll kienu xhur, mit-tieni nofs tas-sena 2015 lil hawn, meta kriżijiet kbar għall-Ewropa kienu qed jinqalgħu f’oqsma oħra bħall-immigrazzjoni, it-terroriżmu, ir-relazzjonijiet mar-Russja, il-biedja u fl-aħħar il-Brexit.
Ħafna ma qisux li kien jagħmel sens waqt li jridu jiġu ffaċċċjati dawn il-kwistjonijiet, li jiżdied magħhom diżgwid dwar iż-żona tal-ewro fejn l-affarijiet dehru ftit jew wisq stabbli (tneħħi l-problemi tal-Greċja). Wara kollox, anke jekk b’titubar kontinwu, fuq dal-front kienu qed jitwettqu bidliet lejn għaqda Ewropea akbar fl-oqsma tal-banek u tas-swieq kapitali.

PROPOSTI ĠODDA?

Effettivament dawk li issa ssemmew bħala l-punti ewlenin li dwarhom Merkel u Macron resqin lejn ftehim bejniethom huma appuntu l-ħolqien ta’ teżorerija tal-ewro u “ministru” tal-finanzi għaliha. Ma hemm xejn ġdid fihom. Kif għedna, ilhom jissemmew fir-rapporti li nħarġu dwar il-futur taż-żona tal-ewro.
Biex jiġu mħaddma, iridu jingħataw tweġibiet għal mistoqsijiet dwar kif il-bidla trid isseħħ, fosthom: Kif jiġi appuntat il-“ministru”? X’saħħa se tingħatalu fuq il-ministri tal-finanzi nazzjonali? U t-teżorerija taż-żona se tiġi ddotata b’liema fondi — b’kontribuzzjonijiet mill-istati membri? b’allokazzjoni mill-baġit tal-Unjoni Ewropea? b’xi taxxa ġdida applikata mal-Ewropa kollha?
Biex jinstabu risposti għal dawn il-mistoqsijiet, Merkel se jkollha tikkonvinċi mhux biss lill-mexxejja tal-pajjiżi membri taż-żona, imma lill-istess sħabha tas-CDU/CSU fil-gvern Ġermaniż. Dawn għandhom suspetti kbar li l-miżuri li qed jiġu proposti sa issa għat-tisħiħ taż-żona ewro qed isiru bil-ħsieb li jdaħħlu lill-Ġermanja f’sitwazzjoni fejn ħaddieħor jonfoq u hi tħallas. Il-ministru Ġermaniż tal-finanzi Schauble dejjem kien minn ta’ quddiem nett li juri suspetti kbar dwar hekk. U jekk hu jibqa’ mhux konvint mill-proposti li jsiru, x’aktarx li Merkel ukoll tispiċċa tibqa’ lura.
Wara kollox, Macron se jkollu jikkonvinċi lill-bqija tal-Ewropej li se jkun kapaċi jsostni r-rankatura għal riformi “strutturali” fi Franza. Il-Ġermanja mhux se tkun lesta li titlaq għal għonq it-triq ta’ riformi fiż-żona tal-ewro, jekk Franza tibqa’ zzappapp. Il-President Franċiż se jkollu jdaħħal miżuri iebsa li se jqajmu diżgwid soċjali. Bihom imma, l-ekonomija se tieħu n-nifs u toħroġ mill-istaġnar li baqa’ jaħkimha: dak talanqas hu l-kalkolu. Kemm Macron se jirnexxilu f’dan il-għan għad irridu naraw.
Fl-istess ħin, xejn mhu mistenni li jinbeda qabel ikunu għaddew l-elezzjonijiet Ġermaniżi fil-bidu tal-ħarifa. Merkel ma tkunx trid li waqt kampanja elettorali, tnaffar lill-votanti tagħha billi jegħlbuhom l-istess suspetti li jinkwetaw lil Schauble. Sal-ħarifa, Macron suppost li jkun laħaq daħħal il-bidliet fit-tmexxija ekonomika u soċjali ta’ pajjiżu: għandu jsibha ħaġa faċli li jagħmel dan mill-Parlament, fejn maġġoranza komfortabbli ħafna qed tappoġġjah; imma mhux faċli tgħid kif il-proposti tiegħu se jintlaqgħu mit-trejd unjins jew mill-poplu in ġenerali.
Wara żmien fejn l-aqwa eċitament fl-istorja tal-ewro kien l-inkwiet dwar il-kriżi Griega ta’ sentejn ilu – żmien ta’ kalma relattiva, ta’ studji u rapporti, ta’ proposti li jibqgħu għad-diskussjoni – tgħid tassew wasalna għal żviluppi ġodda li jiftħu kapitlu ieħor fl-istorja tal-ewro?
Wieħed mill-għajdut li qed iduru fi Brussell isemmi kif Franza u l-Ġermanja t-tnejn jemmnu li bit-tluq tar-Renju Unit, issa se tkun ħaġa essenzjali li l-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea jidħlu membri taż-żona ewro mill-aktar fis. Niddubita kemm pajjiżi bħall-Polonja u l-Ungerija se jkunu lesti jiżfnu f’din iż-żifna…
Għalkemm hu minnu li sa issa, Franza u l-Ġermanja dejjem irnexxielhom li jdaħħlu bidliet meta jiftehmu sew bejniethom, l-esperjenzi tal-aħħar snin poġġew lil pajjiżi membri oħra taż-żona ewro fuq l-alert. Ma jaqblilhomx jaċċettaw dak li jissuġġerulhom it-tnejn “il-kbar” b’għajnejhom magħluqa.
Wara kollox hu minnu li fl-aħħar snin, waqt li ż-żona ewro laqgħet b’suċċess għall-isfida ta’ kif se tibqa’ fil-wiċċ waqt li kien għaddej maltemp qawwi, id-diverġenzi ekonomiċi u soċjali bejn inħawi differenti taż-żona, minflok ċkienu, komplew jiżdiedu. Fl-istess żmien, l-ekonomiji tal-pajjiżi membri damu wisq biex jirkupraw.

Facebook Comments

Post a comment