Id-deċiżjoni tal-Kanċellier Angela Merkel li mhix se tfittex li tintgħażel biex tkompli tmexxi l-partit tagħha s-CDU mix-xahar id-dieħel, bidlet il-klima politika Ewropea. Għal snin twal, Merkel kienet mitqiesa bħala l-aktar persuna influwenti fil-politika tal-kontinent. Issa, l-partit tagħha jrid jagħżel liema linja se jieħu: jekk għandux jibqa’ fid-direzzjoni li daħħlet hi — b’politika “moderata” fejn tat importanza lill-politika soċjali; jew jerġax lura lejn l-għeruq tiegħu, ankrati fil-lemin.
Fil-Ġermanja u barra l-Ġermanja, l-alleati u l-avversarji ta’ Merkel iridu jagħmlu huma wkoll il-kalkoli dwar x’l-aħjar tkun triqithom. Bqajt skantat ftit b’kif qed isir ċertu diskors — qisha Merkel iddeċidiet li titlaq mill-poliitka. Mentri għamlitha ċara li se tibqa’ kanċellier sakemm jispiċċa l-mandat tagħha mogħti fl-aħħar elezzjoni federali.
Il-verità hi li ħafna qed iqisu li ċ-ċansijiet kbar huma li anke bħala Kanċellier, Angela Merkel daqt ikollha twarrab. Allura l-istess ħafna qed jippreparaw għal dan l-iżvilupp, imbeżżgħa kif jinsabu li l-klima politika tista’ tibqa’ tinbidel b’rata tant imgħaġġla li tħallihom l-art…

ELEZZJONIJIET EWROPEJ

Sadattant qed tirranka l-kampanja għall-elezzjonijiet Ewropej. Qed terġa’ tintlagħab il-logħba li tnediet fl-aħħar elezzjonijiet, tal-2014. Biha, l-“partiti” Ewropej – jew aħjar, l-assoċjazzjonijiet ta’ partiti nazzjonali li jinġabru flimkien bħala “familja politika” għax ideoloġikament isibu li jaqblu bejniethom – jagħżlu persuna li sservi bħala l-“kap” elettorali tagħhom. Il-kelma użata għal min jintgħażel hi ta’ “spitzen kandidat” (mill-Ġermaniż): il-kandidat tal-quċċata. Fl-elezzjonijiet Ġermaniżi, meta jirbaħ partit, hu l-i“spitzen kandidat” tiegħu li jispiċċa kanċellier. Meta l-mexxejja tal-partiti Ewropej ipprovaw idaħħlu l-istess sistema għall-Parlament Ewropew, riedu li l-i“spitzen kandidat” li jirbaħ awtomatikament isir il-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Dil-proposta qajmet oġġezzjonijiet kbar fost il-gvernijiet tal-pajjiżi membri. Huma jqisu li skont it-trattati Ewropej, l-għażla tal-President tal-Kummissjoni tinsab f’idejhom. Biss imbagħad, il-Parlament għandu l-poter li jwaqqaf l-għażla tagħhom billi jivvota b’maġġoranza kontra min jinnominaw.
Id-darba li għaddiet, il-Parlament irnexxielu fit-tir li jkun hu li jagħżel min se jmexxi l-Kummissjoni. Did-darba mhix daqshekk ċara li l-Parlament se jġibha żewġ. Ftit jidher li se jkun hemm partit wieħed li jispiċċa rebbieħ kbir. X’aktarx li aktar minn issa, kwalunkwe maġġoranza fil-plenarja se tkun teħtieġ koalizzjoni bejn għadd ta’ “partiti” fil-Parlament.
Biss, għalkemm il-ħerqa favur is-sistema ta’ “spitzenkandidat” battiet, xorta qed tiġi segwita. Il-Popolari kellhom jagħżlu l-kandidat tagħhom dil-ġimgħa bejn il-kap tagħhom fil-Parlament, il-Ġermaniż Bavarjan Manfred Weber u l-Finlandiż Alexander Stubb; għażlu lil Weber. Huma kien mingħalihom li se jkunu minn tal-ewwel fit-tellieqa fost il-partiti, ta’ min jaħtar il-mexxej tiegħu. Il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi kellhom jiddeċiedu f’kungress li se jinżamm fil-bidu ta’ Diċembru.
Imma d-deċiżjoni tas-soċjalisti ttieħdet dil-ġimgħa. Kienu ħarġu żewġ kandidati: Frans Timmermans, vici President diġà tal-Kummissjoni Ewropea u Maros Sefkovic, mill-Islovakkja, ukoll Kummissarju (għall-enerġija). Nhar it-Tnejn, Sefkovic irtira l-kandidatura tiegħu u b’hekk Timmermans awtomatikament sar il-“kap” elettorali tas-soċjalisti. F’laqgħa tal-grupp parlamentari nhar it-Tlieta fi Brussell, hu fisser x’se jkunu l-miri tiegħu. Effettivament, irrepeta t-temi ewlenin li l-S & D ilu javvanza: Ewropa miftuħa u magħquda, li tħares id-drittijiet soċjali; emfażi fuq is-saltna tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; ekonomija ġusta fejn kulħadd iħallas it-taxxi dovuti minnu; politika ekonomika li twarrab l-awsterità; ħidma qawwija favur l-ambjent. Timmermans jippossjedi elokwenza naturali li jaf juża f’diversi ilsna, apparti milli għandu intelliġenza kbira. Kemm dawn se jkunu biżżejjed biex jagħtu riżultat favorevoli għas-soċjalisti u d-demokratiċi, għad irridu naraw.

***

RIFORMI FL-EWRO

Se jsiru jew mhux se jsiru xi riformi fit-tmexxija tal-ewro?
Il-President Franċiż Macron ilu jinsisti fuqhom. Minkejja li jqisu lil xulxin bħala alleati, aktar u aktar kemm ilu li sar President, Franza u l-Ġermanja qed isibuha ħaġa tqila jiftiehmu anke fuq passi żgħar ’il-quddiem. Għall-Franċiżi, l-Ġermaniżi qed ifettqu. Iżommu dil-fehma moħbija biex ma jkomplux itaqqlu l-affarijiet. Għall-Ġermanja, kull bidla fit-tmexxija tal-ewro trid titwettaq b’kawtela kbira, u b’attenzjoni li ma tmurx iddaħħal lilha u lil oħrajn f’xi praspura (skont il-Ġermaniżi: bħal ma ġara fil-Greċja) fejn tkun hi li trid tħallas għall-frejjeġ ta’ ħaddieħor.
Barra minn hekk, kull gvern Ġermaniż (u kull partit f’koalizzjoni ta’ gvern) ikollu joqgħod attent li ma jiġix akkużat li qed iċedi bir-riformi li jidħol għalihom, xi dritt ta’ deċiżjoni li taħt il-kostituzzjoni nazzjonali hu biss tal-Parlament Ġermaniż. Diġà ġara fl-imgħoddi li deċiżjonijiet urġenti li kellhom jittieħdu miż-żona tal-ewro, stennew qabel jiġu maqbula għal kollox, li jġibu wkoll l-approvazzjoni tal-Parlament Ġermaniż.
L-istess qorti kostituzzjonali tal-pajjiż ukoll imbagħad, baqgħet tagħfas fuq interpretazzjoni stretta tal-kostituzzjoni. Meta tqum xi kritka dwar dan, it-tweġiba ovvja hi: nibdlu l-kostituzzjoni u l-qorti tkun tista’ tiddeċiedi mod ieħor. Ħadd ma juri l-iċken ħajra li jidħol għal dil-biċċa. Li kieku kellha tinbeda xi proċedura biex il-kostituzzjoni Ġermaniża tillaxka, żgur li titqanqal reazzjoni politika qawwija kontra – li minnha jibbenefikaw l-aktar il-partiti tal-lemin estrem.
Allura t-titjib tant mistenni fit-tmexxija tal-ewro llum sar jiddependi fuq manuvrar delikat bejn politikanti u uffiċjali publiċi li ħadd barra minnhom ma jifhem tabilħaqq it-tifsira tiegħu. M’hemmx għalfejn ngħidu, id-deċiżjoni ta’ Merkel li tabbanduna t-tmexxija tal-partit tagħha mhux se tħaffef dal-proċess. Il-pożizzjonjiet li qed jieħu l-gvern Taljan ta’ Conte, Salvini u De Maio se jkomplu jtaqqluh.
Biex tagħqad, mhux fuq dal-punt biss li bilfors jinħass id-diżappunt Franċiż bil-pożizzjoni tal-Ġermanja. Macron kien issuġġerixxa li l-Unjoni Ewropea tibda tiċċarġja taxxa ta’ 3 fil-mija fuq il-bejgħ tal-kumpaniji l-kbar tad-diġitali (Google, Amazon, Facebook u Apple). B’hekk ma jibqgħux jiżgiċċaw milli jħallsu t-taxxi billi juru l-profitti li jagħmlu mal-Ewropa kollha, f’pajjiżi fejn ir-rati tat-taxxi huma ftit li xejn. Ta’ spiss, il-GAFA… kif inhuma magħrufa… jagħmlu profitti fil-biljuni ta’ ewro u jispiċċaw ma jħallsu l-ebda taxxa.
Taħt Macron, Franza kienet attiva ħafna biex timbotta favur dit-taxxa. Għall-bidu, donnha kien qed jirnexxielha tikkonvinċi lill-ministru tal-finanzi Ġermaniż Olaf Scholz li l-idea tagħmel sens. Fl-aħħar ġimgħat, il-prudenza Ġermaniża reġgħet ġiet f’tagħha u l-proġett baqa’ imwaħħal.

MACRON U L-POPULIŻMI
Għal xi żmien, kien donnu qed jidher li l-kampanja għall-Parlament Ewropew kienet se tagħqad l-aktar f’konfront bejn minn naħa, il-President Macron u partiti li jaħsbuha bħalu favur tisħiħ ta’ malajr tal-“proġett” Ewropew, u min-naħa l-oħra, l-partiti populisti tal-lemin “estrem”.
Għalkemm il-midja għadhom jipprovaw isostnu dal-kuntrast, x’aktarx li t-tellieqa se tkun ħafna usa’ u miftuħa minn hekk. L-effett Macron iddgħajjef matul ix-xhur, anke fl-istess pajjiżu. Id-diffikultajiet li qed ikollu mal-Ġermanja komplew inaqqsulu mir-rankatura. Sadattant, kemm iċ-ċentru-lemin u kemm is-soċjaliżmu “moderat” baqgħu jitilfu mill-appoġġ.
Il-populiżmi wkoll, mhux bilfors sejrin tajjeb daqskemm mistenni jew daqskemm jidhru. Fl-aħħar elezzjonijet reġjonali tal-Ġermanja ma battewx fil-popolarità, imma lanqas irromblaw bil-kbir ’il-quddiem. L-istess fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-Isvezja. Fil-Polonja, r-riżultati reġjonali ma tantx kienu favorevoli għall-gvern “populista” ta’ hemm.
Mhix ħaġa kbira għalhekk jekk l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss se jkunu dominati mill-mistoqsija li dejjem issir dwarhom: se jinqalgħu biżżejjed ċittadini biex imorru jivvotaw?

Facebook Comments

Post a comment