Fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew hemm għarfien li l-politika soċjali tal-Unjoni Ewropea trid tissaħħaħ. Matul is-snin li għaddew mill-kriżi ekonomika u finanzjarja tas-sena 2008, il-ħarsien soċjali ta’ ħaddiema, impjegati u nies qgħeda, kif ukoll tal-pensjonanti, tnaqqru – ġieli bl-kbir – f’ħafna pajjiżi membri tal-Unjoni. Dan għen biex jitqawwew il-forzi “estremisti” u “populisti”, u fl-istess żmien, biex tiddgħajjef il-popolarità tal-istess Unjoni.
F’laqgħa li saret f’Gotheburg, l-Isvezja, is-sena li għaddiet, fejn kienu rappreżentati l-Kummissjoni, l-Parlament u l-Kunsill Ewropew ġiet maqbula dikjarazzjoni li pproklamat l-importanza tal-“pilastru soċjali” bħala element essenzjali tal-binja Ewropea. Id-dikjarazzjoni tikkonsisti l-aktar f’lista ta’ prinċipji u linji ta’ gwida li jipprovdu qafas ta’ miżuri soċjali biex jitħaddmu mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni. B’hekk, din ma tibqax titqies biss bħala magna ekonomika, bla ruħ soċjali, immexxija mir-regoli tas-suq ħieles u dominata mill-interessi tal-kumpaniji. Terġa’ titqies (bħal ma kien jiġri fis-snin tmenin tas-seklu l-ieħor) bħala bastjun tad-drittijiet soċjali taċ-ċittadini u bħala promotriċi tal-“welfare state”.

RAKKOMANDAZZJONI
Biss baqgħet il-ħtieġa li mill-prinċipji msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ Gotheburg, l-Unjoni tasal għal miżuri konkreti ġodda. Dil-ħidma bdiet titwettaq mill-Kummissjoni Ewropea li ħarġet b’numru ta’ proposti. Waħda minnhom hi biex l-Unjoni Ewropea taqbel fuq rakkomandazzjoni lill-istati membri ħalli jipprovdu ħarsien soċjali aqwa milli hemm bħalissa lill-ħaddiema u lis-“self-employed” kollha.
Fil-biċċa l-kbira tagħha, l-politika soċjali (inkluż per eżempju fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-“housing”) taqa’ taħt t-tmexxija tal-gvernijiet nazzjonali. L-aktar li tagħmel l-Unjoni Ewropea hu li ddaħħal qbil fuq l-istendards li għandhom jiġu ssettjati fl-oqsma differenti. Imbagħad ikunu l-istati membri li jaraw kif se jagħmlu biex jilħqu dawn l-istendards u meta.
Il-ħarsien soċjali hu wieħed minn dawn l-oqsma għalkemm jiġi affettwat sew minn kif ikun qed jopera s-suq wieħed Ewropew. Hu qasam allura fejn il-Kummissjoni ma tistax “tordna” x’għandu jsir, permezz ta’ xi regolament jew xi direttiva li toħroġ. Dwaru hi tista’ tipproponi dokument li l-Kunsill tal-Ministri jadotta bħala “rakkomandazzjoni” tiegħu bi gwida għall-pajjiżi membri.
Issa, il-pajjiżi kollha tal-Unjoni għandhom qasam ta’ ħarsien soċjali indirizzat għad-dinja tax-xogħol, b’livelli ta’ kontribuzzjonjiet u ta’ benefiċċji li jvarjaw sew minn pajjiż għal pajjiż. Mhux l-ewwel darba li dan ħoloq problemi kbar bejn il-membri. L-akbar problema nqalgħet fl-aħħar snin meta ħaddiema minn pajjiżi tal-lvant kienu qed jinġabu jaħdmu f’pajjiżi bħal Franza u l-Belġju fuq kuntratti kbar ta’ bini. Id-ditti li jirbħu l-kuntratti kienu jġibu ħaddiema Pollakki per eżempju, u jħallsuhom rati anqas minn tal-ħaddiema Franċiżi.
Anke meta jagħtuhom l-istess rati ta’ paga bħal tal-Franċiżi, kienu jħallsulhom il-kontribuzzjonijiet soċjali tal-Polonja, li jiġu ħafna anqas minn dawk fi Franza. B’hekk jiffrankaw il-flus fuq ix-xogħol li jkunu qed itellgħu. Naturalment, il-ħaddiema Franċiżi, Belġjani eċċ li jkunu qed jitilfu ħobżhom u l-unjins tagħhom, xejn ma kienu kuntenti. Tqanqlu anke akkużi li l-ħaddiema li qed jiġu importati mill-lvant kienu qed jiġu provduti b’akkomodazzjoni tal-ħabba gozz u l-ispiża tagħha titnaqqsilhom mill-paga b’mod abużiv.

IL-QAGĦDA TAX-XOGĦOL

Strettament, f’suq wieħed Ewropew, dan kollu seta’ jsir. Xorta nfirxu l-akkużi li l-biċċa kollha kienet xejn aktar u xejn anqas minn “dumping” soċjali. Qamet kontroversja dwar kemm ħaddiema setgħu jdumu jaħdmu f’pajjiż barrani u membru tal-Unjoni Ewropea, waqt li jibqgħu marbuta mas-sistema ta’ ħarsien soċjali ta’ pajjiżhom. Il-kwistjoni kollha ħolqot konflitt ieħor – li għadu ma battiex għal kollox – bejn il-pajjiżi tal-lvant, u dawk tal-“punent”.
Madankollu fir-rakkomandazzjoni dwar il-ħarsien soċjali li qed tipproponi, l-Kummissjoni Ewropea qed tħares lejn id-dinja tax-xogħol minn perspettiva aktar ġenerali. Hi ssostni li għalkemm fuq il-karta l-ħarsien soċjali hu mfassal biex jipproteġi lill-ħaddiema kollha, fil-prattika dan mhux qed jiġri.
Il-modi kif jiġi organiżżat ix-xogħol inbidel mill-qiegħ fl-aħħar snin. Żdiedu x-xogħol temporanju, dak “part-time”, ix-xogħol li jsir mid-dar, ix-xogħol prekarju, ix-xogħol li jsir minn nies li jaħdmu għal rashom bħala “self-employed”. F’das-sens, il-Kummissjoni Ewropea titkellem dwar xogħol li mhuwiex “standard” u xogħol li jsir mis-“self-employed” bħala oqsma li jeħtieġu attenzjoni akbar. Skont hi, hemm bżonn li l-pajjiżi membri tal-Unjoni jkollhom gwida, ibbażata fuq kriterji stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), dwar x’għandhom ikunu l-livelli tal-anqas benefiċċji soċjali li huma se japplikaw għall-ħaddiema kollha li jistgħu jispiċċaw fil-bżonn.
Mhuwiex żgħir n-numru ta’ nies li jistgħu jiġu affettwati mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Fl-2016, 14 fil-mija tal-impjegati kollha fl-Unjoni Ewropea kienu qed jaħdmu għal rashom. 8 fil-mija kienu “fulltime” fuq kuntratt temporanju. 4 fil-mija oħra kienu “part-time” b’kuntratt temporanju waqt li 13 fil-mija kienu wkoll “part-time” imma b’kuntratt permanenti. 60 fil-mija kienu “fulltime” b’kuntratt permanenti.
Il-firxa ta’ xogħol mhux standard u ta’ xogħol li jsir minn nies li jaħdmu għal rashom tvarja minn pajjiż għal pajjiż, u minn reġjun għal reġjun. Imma l-proporzjon ta’ ħaddiema żgħażagħ ta’ anqas minn tletin sena li jaħdmu b’kuntratt temporanju jew agħar, jiġi d-doppju ta’ dak li hu fost ħaddiema ta’ età akbar. Sadattant, wieħed minn kull ħamsa ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jagħmlu hekk mhux għax jixtiequ, imma għax ma jistgħux isibu xogħol mod ieħor.

MIŻURI
Jidher li l-problema ta’ dawk il-ħaddiema li huma nieqsa minn ħarsien soċjali adekwat mhijiex waħda ċkejkna. Fir-rakkomandazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qed tiddikjara li “l-pajjiżi membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema jkollhom aċċess għall-ħarsien soċjali billi jiftħuh b’mod obbligatorju għall-ħaddiema kollha, hi xinhi l-forma li tieħu r-rabta ta’ xogħol tagħhom.” Fil-każ ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, l-ħarsien soċjali għandu jkun obbligatorju fir-rigward ta’ benefiċċji tal-mard u tas-saħħa, ta’ maternità/paternità, tax-xjuħija jew mankament, u ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol jew ta’ mard ikkawżat mix-xogħol. Biss, is-sehem tas-“self-employed” fil-każ ta’ ħarsien mill-qgħad jista’ jinżamm fuq bażi volontarja.
Miżura oħra li tinsab fir-rakkomandazzjoni hi li l-gvernijiet tal-istati membri għandhom jassiguraw li għall-forom kollha ta’ impjieg, ħaddiem jibqa’ jġorr il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji li jkun ħallas għalihom minn impjieg għal impjieg, mingħajr ma jitlef xejn minnhom, tkun xi tkun in-natura tax-xogħol tiegħu.
Fl-istess ħin, l-istati membri għandhom jassiguraw li l-kontribuzzjonijiet li jagħmlu l-ħaddiema għall-ħarsien soċjali tagħhom iridu jkunu proporzjonati mad-dħul tagħhom. Jekk jingħata tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tagħhom lil dawk li jkollhom pagi baxxi, dat-tnaqqis irid japplika għal kull min jinsab f’dil-qagħda, hi xinhi l-forma ta’ impjieg tiegħu/tagħha.
Ikun inutli li titmexxa sistema ta’ ħarsien soċjali jekk il-ħaddiema li l-aktar jeħteġuha ma jkunux jafu biha. Għalhekk ir-rakkomandazzjoni tgħid li l-istati membri għandhom iżommu informati lill-ħaddiema kollha bid-drittijiet tagħhom. Dan għandu jsir b’mod regolari u sempliċi, bla ma jinvolvi lill-ħaddiema fi spiża.

***
Se tqum il-mistoqsija: imma b’rakkomandazzjoni bħal din tal-Kummissjoni, il-ħarsien soċjali tal-ħaddiema Ewropej se jissaħħaħ?
Fl-immedjat naħseb le. Imma bla dubju, r-rakkomandazzjoni qed tħejji l-klima politika u soċjali għal riformi fil-ħarsien soċjali fl-Ewropa. Qed tagħmel hekk f’għarfien sħiħ ta’ kif id-dinja tax-xogħol qed tinbidel u tal-bżonn għal protezzjoni aħjar għall-ħaddiema, mhux l-anqas iż-żgħażagħ u n-nisa.
Barra minn hekk, jidher li resqin lejn ħsieb soċjali fejn dawk li jaħdmu għal rashom jiġu assimilati dejjem aktar mal-ħaddiema l-oħra. Dan hu żvilupp tal-akbar importanza. Ilu ġej. Imma rari rajnieh imfisser daqshekk fiċ-ċar daqs kemm qed narawh jiġri f’din ir-rakkomandazzjoni.

Facebook Comments

Post a comment