Ninsabu fil-jiem fejn mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (Malta inkluża) qed jitħejjew il-baġits tal-gvernijiet rispettivi. Speċjalment fil-qafas taż-żona tal-ewro, dawn iridu jiġu mistħarrġa wieħed wieħed mill-Kummissjoni Ewropea. Hi trid tagħti ġudizzju fuq jekk u kemm huma konformi mar-regoli li bihom suppost jitmexxew il-finanzi tal-pajjiżi membri taż-żona tal-ewro, skont il-ftehimiet li saru fl-aħħar snin, maħsuba biex jilqgħu għall-kriżi li faqqgħet fl-2008.
Sadattant, għal dawk il-pajjiżi li għad mhumiex membri taż-żona, il-Kummissjoni trid tara wkoll kemm qed josservaw ir-regoli li daħlu fit-tmexxija finanzjarja ta’ kull pajjiż, bit-Trattati ta’ Maastricht u Lisbona. L-għanijiet taż-żewġ tipi ta’ eżami tal-baġits nazzjonali li se jkunu qed isiru mill-Kummissjoni jixbhu lil xulxin: l-Unjoni Ewropea trid li kemm jista’ jkun, il-pajjiżi membri tagħha jrażżnu l-għoli tal-ħajja sa anqas minn 3 fil-mija fis-sena; jnaqqsu l-iżbilanċi tal-baġits tagħhom, biex ikunu iċken minn 3 fil-mija ta’ kemm tiswa l-ekonomija tal-pajjiż kollu kemm hu; u jċekknu l-piżijiet tad-dejn nazzjonali.
Matul is-snin, twettqu diversi miżuri maħsuba biex jiżguraw li dawn il-kondizzjonijiet qed ikunu rispettati. Issa, il-Kummissjoni Ewropea, bħal ma tagħmel kull sena, trid tara kif il-kondizzjonijiet qed jintlaħqu u tinsisti li dan għandu jiġri.

IL-KAŻ TA’ FRANZA
Fl-aħħar tlieta jew erba’ snin, wara ħafna taqlib, kien jidher li l-pajjiżi taż-żona tal-ewro, kif ukoll dawk barra minnha waqt li membri tal-Unjoni, resqu sew lejn id-dixxiplina fit-tmexxija tal-finanzi publiċi, maħduma skont ir-regoli Ewropej li semmejna. Hu minħabba f’hekk – igħidulna – li l-munita tal-ewro reġgħet akkwistat saħħitha lura. Forsi li veru, forsi li le.
Li żgur hu li mid-diżastru li donnha dehret li daħlet fih, iż-żona tal-ewro irkuprat. Fuq kollox, ir-raġuni għal dan kienet li kien hemm rieda politika qawwija – li kulħadd fehem – biex l-ewro jinżamm ħaj akkost ta’ kollox. Kien dan li fil-fehma tiegħi, salva l-istorja. U parti mill-mod kif inkiseb dan is-suċċess, kien per mezz tar-regoli ta’ tmexxija baġitarja li baqgħu jiġu rfinati matul is-snin, u li issa qed jitwettqu bis-saħħa kollha, sena wara l-oħra. Il-Kummissjoni hi nkarigata biex twettaqhom, bħala d-driegħ eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea. Hi ngħatat il-poter li tiddikjara jekk/kemm/kif pajjiż qiegħed jikser ir-regoli. Ingħatat ukoll il-poter li tinsisti biex xi miżura jew oħra ta’ baġit nazzjonali għandha tinżamm kif ġiet ippreżentata, jew jekk gvern għandux jibdilha.
Pereżempju, l-gvern ta’ Dottor Gonzi f’Malta laqqat ċensura f’wieħed mill-aħħar baġits tiegħu, għax skont il-Kummissjoni Ewropea kellu proġetti ta’ nefqa li se jmorru aktar bogħod minn dawk li r-regoli kienu jippermettulu. Il-Kummissjoni nsistiet li l-gvern ta’ Gonzi jibdel il-baġit tiegħu, anke jekk dan kien diġà għadda mill-Parlament Malti. Hekk għamel il-gvern.
Altru Malta, altru pajjiżi bil-wisq akbar, bħal Franza, speċjalment meta jkollha min jappoġġjaha – kif pajjiż kbir dejjem għandu – fi ħdan il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew. Fl-aħħar snin, għal darba wara l-oħra, Franza ma rnexxilhiex tlaħħaq l-impenji tagħha taħt ir-regoli baġitarji. Jew ma kienx jirnexxielha trażżan l-ispiża tal-gvern u din kienet titla’ aktar milli suppost. Jew it-tbassir dwar it-tkabbir tal-ekonomija Franċiża kien imur żmerċ – u jispiċċa anqas milli mwiegħed. Darba wara l-oħra, il-miri li suppost kellhom jinżammu kienu jmorru l-baħar.
Franza kellha x-xorti tajba fl-aħħar snin li bl-għajnuna tal-kummissarju Franċiż Moscovici, l-Kummissjoni Ewropea mmexxija minn Jean Claude Juncker żviluppat l-argument li r-regoli baġitarji tal-Unjoni u taż-żona ewro kellhom jitħaddmu “bi flessibiltà”. Allura, il-fatt li ma kinitx qed tlaħħaq mal-miri intlaqa’ minn sena għal sena, b’xi skuża jew oħra, b’għajn ħanina. Mal-wasla fil-poter tal-president Macron, kulħadd ħaseb li la dan kien daqstant akkanit biex titkattar l-għaqda Ewropea, kien se jagħmel sforz akbar biex pajjiżu jżomm mija fil-mija mar-regoli.

TĦASSIB DWAR L-ITALJA
Biex inkunu onesti, wieħed irid jgħid li l-gvern Franċiż għamlu dan l-isforz. Imma qed jitqanqlu dubji dwar kemm se jirnexxilu jilħaq il-miri mistennija minnu fil-baġit Franċiż u fil-mod kif qed tiżviluppa l-ekonomija tal-pajjiż. X’se jiġri issa?
Personalment, ngħid li naqbel mal-idea ta’ “flessibiltà”. Tagħmel sens. Imma jdejjaqni immens il-fatt li jitqajjem argument bħal dan meta pajjiż bħal Franza jkun se jintlaqat ħażin mit-tħaddim tar-regoli Ewropej. Mhux hekk jiġri jekk pajjiż ċkejken bħal Malta jsib ruħu fl-istess sitwazzjoni. Hawn, ir-regoli kollha jridu jiġu applikati bla eċċezzjoni ta’ xejn, u ħallik mill-“flessibiltà”! Xejn ma jien popolari ma’ sħabi fil-Parlament Ewropew meta nqajjem argumenti bħal dawn…
Madankollu, għal li ġej, x’aktarx li l-aqwa tħassib se jitqanqal mhux dwar il-pożizzjoni tal-gvern Franċiż (li hu mitqies mill-awtoritajiet Ewropej fi Brussell bħala “ta’ ġewwa” u “ħabib”) imma minn dik tal-gvern Taljan il-ġdid. Għalkemm fit-tmexxija tal-baġit tagħha, l-Italja fl-aħħar snin irnexxielha żżomm kontroll raġonevoli fuq id-differenza bejn spiża u ħruġ, id-dejn nazzjonali tagħha baqa’ l-ogħla wieħed fl-Unjoni wara tal-Greċja. Raġuni ewlenija għal dan kien il-fatt li l-ekonomija Taljan baqgħet pjuttost staġnata.
Sadattant, il-Kummissjoni Ewropea baqgħet tisħaq (u għadha tagħmel hekk) li biex tnaqqas il-piż tad-dejn nazzjonali, il-gvern Taljan jeħtieġlu jkompli jċekken id-defiċit fil-baġit tiegħu mhux biss sa anqas minn 3 fil-mija tal-ekonomija tal-pajjiż (kif diġà hu). Imma jrid ikompli jnaqqsu sakemm f’temp ta’ sentejn jew tlieta, il-baġit Taljan jilħaq bilanċ sħiħ bejn dħul u ħruġ. B’hekk jiċkien id-dejn nazzjonali imqabbel ma’ kemm ikun id-daqs tal-ekonomija kollha kemm hi. (Biss, biex dan jiġri, l-ekonomija trid tikber mhux tistaġna.)
Il-gvern tas-soċjalisti qabel l-aħħar elezzjoni kien aċċetta dil-mira. Il-gvern ta’ wara l-elezzjoni mmexxi mil-Lega u mill-Moviment tal-Ħamest Ikwiekeb jidher li se jiskartaha. Qed jippjana li jżid in-nefqa fuq investimenti, u fuq għajnuniet soċjali lil dawk li jinsabu minn taħt u lill-pensjonanti. B’hekk, skont hu, se jkun qed iħeġġeġ il-bejgħ u x-xiri fil-pajjiż u allura jagħti spinta ġdida lill-ekonomija.
Hu u jagħmel hekk, il-gvern Taljan se jkun qed jisfida kompletament l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea. Din kienet qed tistenna li d-defiċit Taljan jinżel sew taħt it-2 fil-mija tal-ekonomija Taljana kollha kemm hi. Bil-pjani tal-gvern tal-Lega u l-Ħamest Ikwiekeb, id-defiċit mistenni jitla’ għal xi 2.4 fil-mija. Dan ikun ifisser li d-dejn nazzjonali Taljan, komparat mad-daqs tal-ekonomija Taljana, se jerġa’ jiżdied. Jew hekk jiġri skont kif jitħaddmu l-kalkoli minn Brussell. (Imma l-gvern Taljan jirrispondi li bil-pjani tiegħu biex iżid in-nefqa, se tieħu r-ruħ u tikber l-ekonomija u allura il-proporzjon ta’ dejn nazzjonali imqabbel mad-daqs tal-ekonomija kollha kemm hi, se jaqa’.)

IL-ĠERMANJA ATTENTA

Wieħed irid jara kif mhux biss il-Kummissjoni Ewropea se tqis dil-biċċa… imma wkoll il-Ġermanja u l-alleati tagħha (bħall-Olanda). Anke dwar il-“flessibiltà” murija lejn Franza, il-Ġermanja (jew ħafna minn dawk li jirrapreżentawha) kienu urew nuqqas ta’ qbil. Fil-Parlament Ewropew, deputati Ġermaniżi tad-demokratiċi kristjani u tal-kristjan soċjali kienu jikkritikaw dil-ħaġa bla waqfien.
Il-pożizzjoni Taljana tal-lum – jekk tibqa’ tiġi sostnuta – tmur għal kollox kontra dak li l-Ġermaniżi ilhom jisħqu dwaru: jiġifieri, tmexxija stretta u “prudenti” tal-finanzi publiċi. Huma jibżgħu li jekk ir-regoli Ewropej dwar finanzi ma jinżammux b’mod strett, malajr jerġa’ jasal iż-żmien li tintilef il-fiduċja fl-ewro u fl-ekonomiji li jħaddmuha. Imbagħad, skont ir-rappreżentanti Ġermaniżi, kulħadd idur fuq pajjiżhom biex iħallas il-flus meħtieġa ħalli l-problema tinħall.
Dawn huma l-ġimgħat li fihom il-kwistjonijiet dwar il-baġit tal-pajjiżi Ewropej se jisħnu. Mhux mistenni li l-baġit tal-gvern Malti se jqanqal wisq diskussjoni għax sakemm l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, qed jissodisfa – u bil-kif – ir-regoli taż-żona tal-ewro.
L-istess ma jistax jingħad għal kulħadd.

Facebook Comments

Post a comment