Dis-sena, l-Unjoni Ewropea qed tagħlaq sittin sena mit-twaqqif tagħha permezz tat-Trattat ta’ Ruma. Se ssir ċerimonja kommemorattiva f’dil-belt li matulha żgur se jitfakkru l-punti prominenti tal-iżvilupp tagħha. Ukoll, se jinżammu – kważi b’mod naturali – diskussjonijiet dwar il-futur tagħha. Għaliex “kważi”? Għax hemm raġunijiet oħra li jispjegaw għaliex għandhom jitqanqlu dawn id-diskussjonijiet. X’futur għandha l-Ewropa? – hi mistoqsija li bil-ġrajjiet tal-aħħar snin, saret waħda kritika.
Barra mill-anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma, hemm il-qagħda li fiha tinsab bħalissa l-Unjoni. Is-snin mimlija awsterità ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, li għall-anqas fl-aħħar battiet. Id-dwejjaq tal-Greċja. It-terroriżmu. Il-konfront mar-Russja. L-immigrazzjoni li fetħet beraħ id-differenzi bejn il-pajjiżi tal-lvant fl-Unjoni u dawk fiċ-ċentru tagħha. Il-Brexit. Il-qawmien ta’ forzi populisti li baqgħu jsibu appoġġ fl-elettorati Ewropej. Quddiem dawn l-isfidi u oħrajn bħalhom għalkemm anqas akuti, il-futur tal-Unjoni Ewropea fis-sittin anniversarju tat-twaqqif tagħha sar suġġett jaħraq. Aktar u aktar meta fil-White House hemm President li bil-maqlub ta’ qablu tul l-aħħar sittin sena, donnu m’għandu l-ebda stima lejn il-kisbiet tal-Unjoni – anzi jarahom bħala xi ħaġa li d-dinja tista’ tgħaddi mingħajrhom.

AKTAR EWROPA, ANQAS EWROPA

Issa, trid tkun iblah kieku kellek tiċħad il-kisbiet kbar tal-Unjoni. Fuq kollox hemm dik, li wettqet matul l-ewwel nofs ta’ ħajjitha, li sssostni l-paċi fil-punent u ċ-ċentru tal-Ewropa. Imma minn hemm, il-proġett Ewropew – kif jissejjaħ – telaq jirrombla biex l-Unjoni Ewropea tkompli żżid l-għadd ta’ membri waqt li ssaħħaħ u tifrex l-istrutturi tagħha. Qabel il-Brexit, kienet tgħodd 28 pajjiż membru. Kienet daħħlet munita waħda, l-ewro, fost maġġoranza ta’ membri; bl-istess mod, żona ta’ sigurtà, ix-Xengen; u żviluppat regoli komuni fost il-pajjiżi membri f’oqsma bħall-ambjent, l-enerġija, id-drittijiet tal-bniedem…
Sas-sena 2008, dan kien kollu donnu miexi fuq ir-rubini. Illum, jinsab taħt kritika u attakki politiċi bla waqfien. Kontroversja kbira li tinsab għaddejja hi: x’neħtieġu – aktar Ewropa, jew anqas? Il-qasma bejn min jemmen ħaġa jew oħra hi kbira.
Ta’ “anqas” Ewropa jgħidu li l-isforz għal għaqda Ewropea ttieħed ’il bogħod wisq, u dan mingħajr ma l-popli Ewropej ġew konsultati bis-serjetà dwar li qed isir. Maż-żmien, huma ħassew li qed titneħħielhom kull saħħa u bdew iduru kontra l-Ewropa. Għalhekk hemm bżonn ta’ anqas minnha.
Ta’ “aktar” Ewropa jsostnu l-maqlub: Id-diffikultajiet li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea ġejjin appuntu milli telqet biex tagħmel affarijiet ġodda meħtieġa, imma ma daħħlitx l-għodda kollha li bihom setgħet twettaqhom tajjeb. Allura meta nqalgħu l-problemi, ma kellhiex biex tilqagħlhom. U l-problemi komplew jikbru. Li hemm bżonn hu li l-Ewropa tkompli ssaħħaħ l-istrutturi tagħha, li tkabbarhom. B’hekk ikollha bhiex tilqa’ tajjeb għall-isfidi li jispontaw, mhux tibqa’ togħtor quddiemhom.
Fil-Parlament Ewropew qam għarfien li dan għandu jkollu pożizzjoni tiegħu dwar il-futur tal-Ewropa, suġġett li se jqum waqt iċ-ċerimonji li se jsiru f’Ruma. Sadattant, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tħejji White Paper tagħha fuq is-suġġett. Hi mistennija li xxandru għat-tieni nofs ta’ Marzu.
Fl-aħħar xhur, fi ħdan il-Parlament, kienu qed jinħmew tliet rapporti maħsuba biex jitlestew qabel il-Kummissjoni tkun ħarġet id-dokument tagħha. Ir-rapporti kellhom ipoġġu qafas għall-futur tal-Unjoni Ewropea mill-perspettiva tal-Parlament. Biss, wieħed irid jifhem li maġġoranza ta’ deputati fil-Parlament Ewropew jemmnu f’Ewropa dejjem akbar u dejjem aktar magħquda. Hi ħaġa dubjuża kemm fil-fehmiet tagħhom, dawn id-deputati jirriflettu tassew l-fehmiet tal-maġġoranza tal-popli u tal-gvernijiet l-Ewropej illum.
Per eżempu l-ewwel rapport kien dwar xi strutturi għall-futur għandhom jinbnew biex l-Unjoni Ewropea tissaħħaħ. U r-rapport inkiteb mill-mexxej tal-grupp Liberali fil-Parlament Ewropew, Guy Verhofstadt, eks Prim Ministru tal-Belġju, magħruf bħala wieħed mill-esponenti tal-federaliżmu Ewropew.

STRUTTURI TA’ GĦAQDA AKBAR

Verhofstadt hu wieħed minn dawk li jemmnu li l-problemi tal-Ewropa llum ġejjin mill-fatt li l-Unjoni baqgħet lura milli tissawwar f’federazzjoni aktar soda u qawwija. Fir-rapport tiegħu, hu jipproponi li aktar poteri jingħataw lill-Kummissjoni Ewropea bħala gvern Ewropew u li l-Parlament Ewropew ukoll imbagħad jingħata aktar saħħa biex ikun jista’ jissorvelja u jikkontrolla lill-Kummissjoni (bin-numru ta’ membri tagħha imċekken).
Hi ħaġa ċara li Verhofstadt u dawk li jaħsbuha bħalu jaraw it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea bħala opportunità biex jibnu strutturi ġodda ta’ għaqda fl-Ewropa. Ir-Renju Unit kien jopponihom. Verhofstadt jipproponi li f’dawn l-istrutturi ġodda, b’mod ġenerali, l-aqwa deċiżjonijiet jibdew jittieħdu b’maġġoranza u mhux b’unanimità. Jipproponi politika komuni ġdida dwar difiża Ewropea, kif ukoll politika komuni f’oqsma bħal immigrazzjoni, taxxi, it-tmexxija taż-żona tal-ewro u ħafna aktar.
Dan kollu jeħtieġ bidla fit-trattati li bihom l-Unjoni Ewropea twaqqfet u żviluppat. Allura r-rapport ta’ Verhofstadt jitkellem dwar sejħa li għandha toħroġ biex titlaqqa’ Konvenzjoni Ewropea ġdida li tiddeċiedi dwar proposti għal kif dawn l-għanijiet federalisti – m’hemmx kelma oħra għalihom – għandhom jitwettqu.
Biex kollox ikun ingħad, ir-rapport ta’ Verhofstadt jammetti li mhux il-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni se jkunu favur il-bidliet li qed jipproponi. Allura jissuġġerixxi li dawk il-pajjiżi li jridu jimxu ’l quddiem lejn għaqda akbar ikunu jistgħu jagħmlu hekk, waqt li l-oħrajn jibqgħu membri tal-Unjoni imma b’rabtiet differenti, anqas qawwija, bejniethom u l-bqija. Terġa’ fir-rapport tiegħu, Verhofstadt jinsisti li barra milli jibqa’ jkun hemm il-possibiltà li kif għamlu l-Ingliżi, popli oħra jkunu jistgħu joħorġu mill-Unjoni, l-istess ħaġa titħalla ssir għal min irid joħroġ miż-żona tal-ewro.
Filfatt, il-kunċett ta’ Ewropa li timxi ’l quddiem skont pass li ma jkunx l-istess għal kulħadd, jidher li qed jirranka.

LEJN FEJN?

Biss bilfors tqum problema f’dal-mod kif jitmexxew l-affarijiet. X’aktarx li jiżviluppaw kampijiet differenti bejn il-pajjiżi membri skont jekk humiex minn fost dawk li jridu aktar għaqda, jew dawk li jridu jżommu lura. Is-saħħa politika tal-ewwel kamp x’aktarx tkun aqwa minn tal-bqija meta jiġu biex jittieħdu ċerti deċiżjonijiet kruċjali.
Fuq kollox, minkejja li dawk li jridu jżommu lura jkunu se jingħataw iċ-ċans li jagħmlu hekk, bilfors tibqa’ tiżdied il-pressjoni lejn il-federaliżmu jekk jitwettqu l-proposti tar-rapport Verhofstadt. U dan fi żmien meta ħafna Ewropej qed jinsistu biex id-deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom jittieħdu f’pajjiżhom stess… Il-firda fi ħdan l-Unjoni Ewropea tikber tista’, mhux tonqos.
Madankollu, Verhofstadt u sħabu jargumentaw li l-Ewropa ma tistax tibqa’ tevita li tieħu d-deċiżjonijiet iebsa jekk trid tibqa’ fil-wiċċ.
Hawn għandu raġun. Imma deċiżjoni iebsa tista’ tkun jew li timxi lejn il-federaliżmu, kif irid il-kamp ta’ Verhofstadt; jew li tieħu passi lura, biex waqt li ssostni għaqda qawwija bejn il-ġnus Ewropej, terġa’ tgħaddi lura lejn il-gvernijiet nazzjonali oqsma importanti ta’ deċiżjoni.

***

Fuq ir-rapport/riżoluzzjoni ta’ Verhofstadt fil-plenarja tal-Parlament Ewropew jien ivvotajt kontra. Ma qbiltx miegħu għal żewġ raġunijiet. L-ewwel għax il-federaliżmu stil Verhofstadt narah formola biex id-dominanza tal-pajjiżi l-kbar tkompli tissaħħaħ, waqt li tkompli tonqos l-influwenza ta’ popli ċkejkna ħafna bħal tagħna fuq affarijiet essenzjali għalihom. U t-tieni, għax il-mod kif Verhofstadt jipproponi li jkun hemm qasma bejn pajjiżi tal-“ewwel” u tat-“tieni” rang mhiex aċċettabbli.
F’paġni li jmiss, forsi jkun tajjeb li naraw ftit x’kienu l-proposti li ħarġu fiż-żewġ rapporti l-oħra li tressqu dax-xahar quddiem il-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-Ewropa.

Facebook Comments

Post a comment