Kienu l-ħaddiema tal-Ewropa – mhux il-banek, mhux il-gvernijiet, mhux il-kumpaniji l-kbar – li qalgħu l-akbar daqqa bil-kraxx ekonomiku u finanzjarju tas-sena 2008. Dan nieda snin ta’ staġnar u kriżijiet fiż-żona tal-ewro u fl-Unjoni Ewropea. Ħaddiema tilfu l-impjiegi tagħhom fil-miljuni. Pensjonanti (li mhuma xejn ħlief eks-ħaddiema) f’numru ta’ pajjiżi sabu li l-pensjonijiet tagħhom qed jitnaqqru. Għan-nies qgħeda tnaqqas il-ħarsien soċjali, kif tnaqqsu miżuri oħra soċjali fl-oqsma tas-saħħa, tal-akkomodazzjoni, tal-edukazzjoni u oħrajn – li minnhom l-aktar li jibbenefikaw kienu l-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Din l-awsterità (hekk issejħet) kellha bilfors issir biex il-finanzi tal-gvernijiet u tal-banek jinġabu lura fis-sigurtà. Hekk intqal. B’dal-mod biss, l-ekonomiji tal-pajjiżi differenti milquta setgħu jirpiljaw u allura jerġgħu joħolqu l-impjiegi biex dawk li tilfu x-xogħol jerġgħu jsibu fejn jaħdmu. Kif nafu, l-kriżi fl-Ewropa damet tkarkar is-snin – anqas f’ċerti pajjżi, aktar f’oħrajn.
Issa, lejliet l-Ewwel ta’ Mejju 2018, fejn jinsabu l-ħaddiema tal-Ewropa?

IL-QGĦAD
Intrebħet… jew qed tintrebaħ… il-ġlieda kontra l-qgħad? Inħolqu l-impjiegi imwegħda?
Effettivament, fl-aħħar sentejn/tlieta l-ekonomija Ewropea – mhux l-anqas dik taż-żona tal-ewro – irkuprat sew. Ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku żdiedet b’mod sodisfaċenti… aktar minn sodisfaċenti. Fiż-żona tal-ewro, r-rata ta’ tkabbir kienet ta’ 2.1 fil-mija għas-sena 2015 u ta’ 1.7 fil-mija s-sena ta’ wara. Laħqet it-2.3 fil-mija s-sena li għaddiet, 2017. Kienet mistennija ssostni dal-pass għal dis-sena u li ġejja, għalkemm veru, fl-aħħar ġimgħat uħud bdew jitbeżżgħu li l-affarijiet jistgħu qed jiċċassaw. (Ta’ min isemmi kif fl-istess snin, ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku f’Malta kienet rekord u bil-wisq aqwa miċ-ċifri li semmejna: 9.9 fil-mija fl-2015; 5.5 fil-mja fl-2016; u 6.6 fil-mija s-sena li għaddiet.)
Jiġifieri ma jistax ikun hemm dubju: l-ekonomija Ewropea rkuprat tajjeb mid-daqqiet li qalgħet daqs għaxar snin ilu.
U għalhekk, il-proporzjon ta’ irġiel u nisa f’età tax-xogħol li kienu f’impjieg reġa’ beda tiela’. Fis-sena 2016 kien ta’ 71.1 fil-mija. Is-sena li għaddiet laħaq it-72.2 fil-mija. Issa, sa ftit taż-żmien ilu, kien hemm pessimiżmu kbir fl-Ewropa dwar kemm l-Unjoni Ewropea seta’ jirnexxilha tilħaq il-mira li poġġiet għall-impjiegi fis-sena 2020. Din kienet li r-rata ta’ impjiegi li qed insemmu tasal sa 75 fil-mija f’dik is-sena. Illum l-pessimiżmu dwar dil-mira għeb u l-fehma hi li m’għandhiex tkun problema biex l-Ewropa tilħaq diċ-ċifra.
Min-naħa taċ-ċifri dwar il-qgħad, hawn ukoll iż-żona tal-ewro ġarrbet titjib. Fi Frar ta’ dis-sena, il-qgħad fiż-żona tal-ewro kien ta’ 8.5 fil-mija. Sena qabel kien ta’ 9.5 fil-mija. Madankollu, hemm differenzi kbar bejn il-pajjiżi u r-reġjuni, u bejn il-kategoriji ta’ ħaddiema skont l-etá. Il-qgħad għadu qalil l-aktar fi tliet pajjiżi tal-Mediterran: fil-Greċja hu ogħla minn 20 fil-mija; fi Spanja ilaħħaq 16.1 fil-mija; u fl-Italja 10.9 fil-mija. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha inkwetanti ħafna: għaż-żona tal-ewro kollha tlaħħaq 17.7 fil-mija. Mill-ġdid, l-istampa hi l-aktar kerha fil-Greċja fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ jissupera l-40 fil-mija, u fi Spanja u l-Italja fejn imiss lit-terz taż-żgħażagħ.

PROBLEMI TAL-ĦADDIEMA
Biss, lil hinn miċ-ċifri, iqumu mistoqsijiet serji: dwar kemm iż-żieda fl-impjiegi hi sostenibbli? dwar kemm l-impjiegi nfushom huma “tajba” fil-ħlas tagħhom u fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li joffru? dwar xinhuma t-theddid għall-impjiegi li l-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda jista’ qed ixettel?
L-aqwa mistoqsija hi dwar il-kwalitá tal-impjiegi ġodda li qed jinħolqu. Ħafna osservaturi jsostnu li matul is-snin ta’ kriżi u awsteritá, ittieħdet l-opportunitá biex jiġu żmantellati f’uħud mill-pajjiżi Ewropej, l-istrutturi li kienu nħolqu biex jiddefendu l-interessi tal-ħaddiema. L-influwenza tal-unjins fil-fatt naqset sew u l-aktar li baqgħu attivi kien fis-settur publiku. Il-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta’ kif jiġu ngaġġati (u jitkeċċew) il-ħaddiema ħżienu. Is-sidien ingħataw aktar u aktar dritta. Ir-“raġuni” kienet u għadha li biex ma jikkrollawx, l-impriżi jridu jinżammu kompetittivi. Iridu jipproduċu bi spiża li trid tibqa’ baxxa kemm jista’ jkun. Inkella jitilfu s-swieq. L-impriżi ħteġilhom jżommu fil-wiċċ ta’ baħar imqalleb bil-kapriċċi tas-suq ħieles. Għalhekk iridu jkunu jistgħu jirreaġixxu anke billi jilliċenzjaw il-ħaddiema tagħhom malajr kemm jista’ jkun, malli jolqothom xi gwaj.
F’ħafna każi naqsu sew l-opportunitajiet ta’ impjiegi tat-tul jew permanenti. L-impjiegi saru aktar prekarji, speċjalment għaż-żgħażagħ, fejn kif rajna, baqa’ qgħad ħafna aktar qawwi milli f’saffi oħra tal-popolazzjoni Ewropea. Bl-istess mod, ħafna impjiegi ġodda bdew isiru “part-time”. Dan qed ifisser li – speċjalment fil-pajjiżi tas-sud – ħafna aktar żgħażagħ qed jispiċċaw bla mezzi biżżejjed biex iwaqqfu familja.
Biex tagħqad, hemm min isostni li hu minħabba dawn il-fatturi li minkejja li s-sitwazzjoni ekonomika tjiebet, mal-Ewropa b’mod ġenerali, in-nies li jinsabu f’sogru ta’ faqar komplew jiżdiedu. Peress li ċ-ċifri juru li l-qgħad naqas sew u li r-rata ta’ nies li għandha x-xogħol reġa’ żdied (kif rajna), dan ifisser li numru kbir ta’ ħaddiema għalkemm għandhom xogħol, xorta jinsabu f’xifer il-faqar.
Imma sadattant, it-titjib ekonomiku bilfors ġab miegħu titjib fil-qagħda tal-profitti li jgawdu s-sidien. Fejn m’hemmx unjins, mill-profitti akbar, ftit li xejn irriżulta ta’ benefiċċju għall-ħaddiema… ħlief fejn setgħu jistrajkjaw. Hekk għamlu l-ħaddiema tal-metall fil-Ġermanja dan l-aħħar u waslu għal titjib fil-pagi tagħhom. Oħrajn fl-oqsma Ġermaniżi tat-trasport bdew jagħmlu bħalhom.
Mentri li fi Franza, l-gvern tal-President Macron għadu jinsisti li hemm bżonn ta’ riformi kbar fil-mod kif jiġi organizzat ix-xogħol fil-pajjiż, inkella Franza se tibqa’ taqa’ lura. Fost il-bidliet li qed iħaddem, hemm waħda fis-settur tal-ferroviji li qanqlet kjass sħiħ. Il-liġi ta’ “riforma” kompliet tinsaq mill-Parlament hekk kif il-unjins tat-trasport qed jorganizzaw strajk wara l-ieħor.

INUGWALJANZI

Hemm fatt f’dan kollu li ma jistax jitwarrab. Fid-dinja tax-xogħol, l-inugwaljanzi kibru sew fl-aħħar snin. Kif għedna, il-kriżi ekonomika u finanzjarja li faqqgħet fl-2008, għaxar snin ilu, ipprovdiet ċans biex drittijiet li qabel kienu jgawdu l-ħaddiema u l-impjegati jiġu mnaqqsa f’isem il-ħtieġa li l-impriżi jibqgħu kompetittivi. Fl-Unjoni Ewropea nnifisha, is-sentiment li dan hu minnu aktar kompla jaggrava minħabba l-immigrazzjoni, kemm ta’ ħaddiema Ewropej fi ħdan l-istess Ewropa, kemm ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni.
Din is-sitwazzjoni xejn ma setgħet tagħti gost lill-Kummissjoni Ewropea li taħt it-tmexxija ta’ Jean Claude Juncker ipproklamat ruħha bħala li trid issaħħaħ id-drittijiet soċjali fl-Ewropa. Ftit taż-żmien ilu, flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni kienet minn ta’ quddiem fl-isforzi li saru biex jiġi mistqarr u mwettaq dokument imsejjaħ il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Taħt dan il-“pilastru”, biex tikkombatti s-sentiment li qed jikbru l-inugwaljanzi fid-dinja tax-xogħol u biex tilqa’ għall-problemi li qed jinqalgħu bil-migrazzjoni ta’ ħaddiema minn parti għall-oħra tal-Unjoni Ewropea, f’Marzu li għadda il-Kummissjoni ipproponiet it-twaqqif ta’ Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Din tkun tista’ tgħin ħaddiema Ewropej biex isibu opportunitajiet ta’ xogħol li jgħoddu għalihom. Tkun tista’ tara wkoll kif twitti l-problemi li ġieli jinqalgħu meta ħaddiema jingħataw ix-xogħol barra pajjiżhom imma fl-istess Unjoni Ewropea.
Xi darb’oħra, ikun tajjeb li nitkellmu f’aktar tul dwar din l-Awtorità li l-Kummissjoni tixtieq li titwaqqaf u tibda topera sas-sena d-dieħla, 2019. Għax hemm ħafna x’juri li l-ħaddiema (u pensjonanti) fl-Ewropa mhux imisshom dak li jixirqilhom mit-tkabbir ekonomiku li fl-aħħar, l-Ewropa qed jirnexxielha tikseb. Wara kollox, dan is-suċċess ta’ issa qed iseħħ fuq il-bażi tas-sagrifiċċji li għamlu huma.

Facebook Comments

Post a comment