Għandi ħabib li l-ħin kollu jittikani: Int ħriġt jew ma ħriġtx għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew?
“Beq! Ma tafx li ħriġt, ngħidlu.
Ixengel rasu qisu għadu qed jiddubita. Meta nistaqsih għaliex qed jagħmel hekk, jirrispondi: Imma qed insegwi kull ma qed tgħid u tikteb u m’inix nara li qed tistinka biżżejjed!
Meta qalli hekk l-ewwel darba ħallieni mgħaġġeb: Imma skużi, ta’, weġibtu, mela m’intix tinduna kif mhux ħlief nikteb u nitkellem dwar l-Ewropa! u l-problemi taż-żona tal-ewro! u l-madmad tat-tassazzjoni li uħud mill-Ewropej iridu jimponu fuq kulħadd! u problemi oħra Ewropej bħall-Brexit! … Semmejtlu numru ta’ inħawi fejn wettaqt dil-ħidma, mis-Sannat f’Għawdex sa Marsaxlokk f’Malta.
Xorta baqa’ xejn konvint. “Int taħseb li l-Maltin u l-Għawdxin jimportahom minn dan kollu? staqsa. Li jridu huma hu li int u l-kandidati l-oħra għall-Parlament Ewropew tkellmuhom dwar dak li jolqot lilhom, dak li qed isir f’Malta, bħall-battibekki bejn il-partiti… X’jimportahom mill-Fond Monetarju Ewropew li suppost jitwaqqaf jew minn kemm il-banek fl-Ewropa għandhom djun imnellħa!
–Skużi mill-ġdid, għedtlu, mela ma tafx kif id-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-Ewropa qed jaffettwaw bil-kbir ___
–Lil Malta u li dawk id-deċiżjonijiet jaffettwawna bil-kbir! Ilek iddoqqha did-diska. Anke jien tgħallimtha. Imma taħseb li l-Maltin u l-Għawdxin jimportahom minn dit-tagħlima. Dażgur li le!
Iċ-ċiniżmu tiegħu ħabat idejjaqni sew. “Mela x’għandi nagħmel skont int?
–Mhux diġà għedtlek? qal. Ħallik miż-żona tal-ewro u l-bqija. Ikkonċentra fuq il-ħmerijiet u l-ħniżrijiet li Delia u Busuttil u Casa u l-bqija qed iwettqu. Uri kemm qed jagħmlu deni bl-aġir tagħhom u isħaq fuq hekk.
–Imma din elezzjoni Ewropea, erġajt għedtlu.
–E! irrisponda. U fiha, se jkunu Maltin u Għawdxin li se jivvotaw bħala Maltin u Għawdxin. Mhux biss bħala Ewropej.
Qgħadt naħseb fuq dil-biċċa u fhimt li l-ħabib tiegħi kellu aktar minn biċċa raġun. Waqt li mal-Ewropa kollha, l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej dejjem baqgħet baxxa, instab li dawk li ħarġu jivvotaw kienu ffokati l-aktar fuq materji ta’ natura lokali u nazzjonali, mhux fuq materji Ewropej.
Kollox juri li anke f’din l-elezzjoni, se tiġri l-istess ħaġa.

***

MAĦKUMA MIL-LEMIN
Għalkemm jipprovaw jaħbuha minn xulxin, is-soċjalisti fil-Parlament Ewropew jafu li l-Unjoni Ewropea tinsab immexxija minn politiċi tal-lemin u qed tgħaddi tagħhom. Fiż-żona tal-ewro, fl-oqsma tal-immigrazzjoni, tal-biedja, tal-enerġija fost oħrajn, huma l-pożizzjonijiet tal-lemin li ħadu d-dritta.
Ir-regoli ta’ tmexxija fiż-żona tal-ewro jagħfsu fuq il-ħtieġa li l-ispiża tal-gvern tkun ikkontrollata akkost ta’ kollox. Id-dejn nazzjonali jrid jitnaqqas u l-baġits ta’ kull sena jridu jinżammu kemm jistgħu qrib il-bilanċ. Meta l-ekonomija tiddgħajjef, l-uniku mod kif dil-ħaġa tista’ ssir hu billi l-gvernijiet jissikkaw iċ-ċinturin. It-tnaqqis ta’ benefiċċji u ta’ kundizzjonijiet soċjali jsir ir-regola. Tneħħiet għal kollox il-politika ekonomika tas-snin ta’ qabel – li l-gvern iżid fl-ispiża tiegħu meta l-ekonomija tiddgħajjef ħalli b’hekk jagħtiha r-ruħ u tirkupra.
Biex jiddefendu ż-żona tal-ewro u ma jħalluhiex tikkrolla… kif għal xi żmien kienet se tagħmel… is-soċjalisti qablu li r-regoli tal-ewro jissaħħu b’dal-mod. Imma l-issikkar taċ-ċintorin finanzjarju waddab il-piżijiet kważi kollha fuq in-nies fis-soċjetà li kienu l-anqas imħarsa… jew li raw il-ħarsien tagħhom jitneħħa… fuq ħaddiema, fuq żgħażagħ, fuq anzjani u pensjonanti… Jiġifieri fuq nies li ħafna minnhom, b’mod naturali, huma jew kienu l-votanti tal-partiti soċjalisti.
F’għajnejn ħafna, is-soċjalisti ftit baqgħu jidhru differenti minn partiti oħra taċ-ċentru lemin. Dawn tal-aħħar ukoll, tilfu mill-appoġġ fost il-votanti tagħhom, imma s-soċjalisti tilfu ħafna aktar minnhom. U nfetħet opportunità ġdida u qawwija biex jifirxu ġwinħajhom partiti hekk imsejħa, populisti, estremisti, awtoritarji.
Matul daż-żmien, veru li s-soċjalisti bdew jisħqu fuq il-ħtieġa li l-Ewropa terġa’ tagħti importanza lill-politika soċjali. Imbottaw ħalli jidħol l-hekk imsejjaħ “pilastru” soċjali fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea. Dan kellu jerġa’ jagħtiha l-fama li gawdiet minnha qabel – il-fama li l-Ewropa se tkun tfisser id-difiża tad-drittijiet soċjali taċ-ċittadini. Dawn l-isforzi mis-soċjalisti, li huma ġenwini u insistenti, għadhom ġħaddejjin. Biss, niddubita kemm qed jinħassu mill-votanti bħala li se jġibu xi bidla siewja.
Biex tagħqad, is-soċjalisti daħlu f’arranġament ħames snin ilu li reġgħu sostnew għall-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew. Dan hu biex il-kandidat ewlieni tal-partit li jtella’ l-aktar deputati fil-Parlament għandu jilħaq President tal-Kummissjoni Ewropea. Fil-qagħda attwali, b’hekk se jiġri li l-President tal-Kummissjoni li jmiss żgur se jerġa’ jkun mill-partit tal-lemin, tal-Popolari.
Malta hi fost il-ftit pajjiżi Ewropej fejn Partit Laburista jinsab fil-gvern u jista’ jittama li jġib maġġoranza fl-elezzjonijiet li riesqa. Forsi min jgħid li aħjar nikkonċentraw fuq materji lokali u nazzjonali fil-kampanja li bdiet, għandu raġun aktar milli jaħseb!

***

SALTNA TAD-DRITT?

Meta jsemmulna s-saltna tad-dritt… jien nippreferi ngħid l-istat tad-dritt… u kif Malta trid tkun konformi magħha (qisna aħna m’aħniex!)… wieħed jifhem kif dan hu sforz imqanżaħ ieħor biex l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tipprova turi snienha.
F’kull qasam li tista’ taħseb fih, hi xejn mhi sejra tajjeb. Kemm mil-lat ta’ kredibilità, kemm mil-lat ta’ preżentazzjoni politika li toffri alternattiva. Wara d-diżastru elettorali miksub mill-eks mexxej Nazzjonalista Lawrence Gonzi fl-2013, il-mexxej ta’ warajh mhux talli ma sewwiex l-affarijiet, talli għamilhom agħar, ħafna agħar.
U meta telaq il-kariga, bit-tostaġni kollha, kompla jħawwad il-borma biex terġa’ ta’ warajh, mhux ħlief jikkommetti l-iżgarraturi. L-akbar faraġ li qed isibu l-mexxejja Nazzjonalisti fil-biċċa hu billi jimmuntaw attakki kontra l-gvern Laburista … jien ngħid kontra l-pajjiż… fil-Parlament Ewropew.
Qed jirkbu fuq il-fatt li l-partit Ewropew fejn jinsabu, tal-Popolari, hu l-aktar wieħed qawwi fil-Parlament. Meta l-Popolari jqanqlu argumenti dwar is-saltna… jew aħjar, l-istat tad-dritt… isemmu argument li kienu telqu bih is-soċjalisti, fir-rigward ta’ xinhu jiġri fl-Ungerija taħt il-gvern ta’ Victor Orban. Il-partit ta’ Orban hu wkoll membru tal-Popolari. Ġiet patta pari patta: is-soċjalisti jikkritikaw lill-Popolari b’Orban; il-popolari lis-soċjalisti b’Malta u r-Rumanija.
Mhux l-ewwel darba li għedtha u nerġa’ ngħidha: hi ħaġa tal-mistħija li politikanti Maltin fi Brussell u Strasburgu jinqdew b’dak li jinsab għaddej dwar Orban u oħrajn, biex ideffsu lil Malta fin-nofs ħalli … m’hemmx dubju dwar hekk… jispiċċaw iħammġu kif qed jagħmlu, l-isem tal-pajjiż.
L-argument mhux se jintemm mil-lum għal għada. Aktar u aktar għax bħala pajjiż żgħir, ħafna fl-Ewropa jsibuha ħaġa konvenjenti li jitkażaw bina u jdawru għajnejhom kif diġà għamlu milli jkun ġara f’pajjiżi bħal Spanja, Franza, l-Ġermanja u anke r-Renju Unit. Imma l-poplu Malti għandu ċ-ċans li jagħti l-verdett tiegħu. Fl-elezzjonijiet Ewropej li resqin, ikollu ċans juri l-apprezzament tiegħu lejn dawk l-eletti mill-aħħar elezzjoni Ewropea li donnu ma kellhomx aħjar x’jagħmlu milli jħammġu isem pajjiżna. Għamlu hekk għax ħasbu li se jkunu qed ipattu għall-isfrattu li jinsab fih il-partit tagħhom.
Tajjeb li l-poplu Malti jkollu ċ-ċans jgħid x’jidhirlu minn aġir bħal dan.

Facebook Comments

Post a comment