Meta qam fil-Parlament Ewropew nhar l-Erbgħa biex jagħmel id-diskors dwar il-qagħda tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker kien konxju li hu u sħabu jinsabu fil-pożizzjoni ta’ — kif isejħulhom bl-Ingliż — lame ducks. Jiġifieri li għax jinsabu fi tmiem il-kariga tagħhom, jonqsilhom ħafna mill-poter jew ħila biex ivaraw inizjattivi qawwija u ġodda. Aktar minn hekk, uħud mill-aħħar żviluppi fit-tmexxija tal-politika Ewropea — l-aktar l-immigrazzjoni u Brexit, imma mhux biss — kienu qed jagħtu l-impressjoni li l-Unjoni Ewropea qed tinqasam minn ġewwa u li tinsab staġnata.
Fid-diskors, minkejja l-limitazzjonijiet li telaq minnhom, Juncker ipprova jdaħħal sens ta’ inizjattiva u ottimiżmu madwar il-ħidma tal-Kummissjoni għax-xhur li ġejjin.

TAZZA NOFSHA MIMLIJA
Kif ma setax jonqos, fakkar f’kif l-ekonomija Ewropea llum tinsab fuq linja ta’ tkabbir u li l-impjiegi baqgħu jiżdiedu. Mill-2014 lil hawn, inħolqu kważi 4 miljun minnhom — aktar impjiegi milli hemm nies fil-Belġju, sostna l-President tal-Kummissjoni. Anki r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, kompla qal, għalkemm tinsab fil-livell ta’ 14.8 fil-mija, hi l-anqas waħda mis-sena 2000 lil hawn.
Hu rabat dan mal-argument li meta l-Unjoni Ewropea tibqa’ magħquda, ikollha saħħa kbira ħafna fuq il-palk dinji. Kien b’dal-mod li fin-negozjati mal-Istati Uniti dwar il-problema tat-tariffi li l-President Trump ried iwaħħal fuq esportazzjoni Ewropea, l-Amerikani kellhom jaċċettaw li jfittxu kompromess. Bl-istess mod, pajjiżi u blokki kummerċjali ta’ importanza ekonomika dinjija bħall-Ġappun u ċ-Ċina baqgħu jsostnu l-isforzi tagħhom biex jilħqu ftehimiet kummerċjali mal-Unjoni.
Għal din ir-raġuni, hemm bżonn li l-Ewropej ikomplu jistinkaw lejn aktar għaqda. Biha jkunu jistgħu jilqgħu għall-bidliet kbar li dejjem għaddejjin fid-dinja li ddawwarna. Terġa’, Ewropa aktar magħquda tkun tista’ tilqa’ wkoll għall-possibiltà li l-alleanzi li drat taħdem bihom, jinbidlu jew ma jibqgħux sodi daqskemm kienu sa issa.
Minn hekk, Juncker ħa spunt biex jinsisti li l-Unjoni trid tgħaġġel fl-iżvilupp tal-politika ġdida dwar difiża u sigurtà. Għandha tagħmel hekk mhux biex timmilitarizza l-istrutturi tagħha imma biex ikollha l-mezzi li bihom tasserixxi l-influwenza ekonomika tagħha fil-kriżijiet li jinqalgħu.
F’das-sens, l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju li ġej iridu jitqiesu bħala opportunità ħalli fost il-popli Ewropej titqanqal ħerqa għal Ewropa aktar qawwija. Fiha, d-diviżjonijiet bejn it-tramuntana u s-sud, u bejn il-lvant u l-punent tal-Ewropa, jistgħu jissewwew. Għaż-żmien li baqa’ sal-elezzjoni, l-Unjoni Ewropea trid tirranka l-ħidmiet tagħha ħalli ssostni dil-ħerqa.

TISĦIĦ TAL-INIZJATTIVI
Fil-lista ta’ inizjattivi li Juncker semma bħala li se jkun qed jipprova jwassal sal-barkun, tinħass il-preokupazzjoni bil-kriżi tal-immigrazzjoni. Hu wiegħed li sas-sena 2020, l-Unjoni se tkun żiedet in-numru ta’ gwardji li jħarsu l-fruntieri b’10,000 ruħ. Fl-istess ħin, l-uffiċċju Ewropew tal-ażil se jingħata aktar mezzi biex jagħmel xogħlu, waqt li l-proċeduri li bihom l-immigranti jintbagħtu lura, se jitħaffu.
Forsi l-akbar inizjattiva ġdida li semma tirrigwarda l-Afrika, fil-forma ta’ “alleanza” ma’ pajjiżi Afrikani biex iżidu l-investiment privat hemm. Il-mira hi li fil-ħames snin li ġejjin, jinħolqu xi 10 miljun impjieg. Wieħed jifhem minn kliem Juncker li l-ħsieb hu li l-fond ta’ 24 biljun ewro li twaqqaf sentejn ilu jiġi mkabbar.
Proposti oħra li l-President tal-Kummissjoni Ewropea għamel matul id-diskors tiegħu huma aktar kontroversjali. Irid pereżempju li jsaħħaħ il-politika barranija tal-Unjoni billi meta tkun qed tiġi diskussa u deċiża xi pożizzjoni f’oqsma tagħha, tiġi aċċettata r-regola ta’ maġġoranza kwalifikata, u mhux l-unanimità. Għal pajjiżi żgħar, proposta bħal din tidher perikoluża.
Tal-istess tip hi l-idea li fiż-żmien li ġej, jeħtieġ li l-munita tal-ewro tilgħab parti ħafna aktar importanti fil-kummerċ internazzjonali. Għaliex l-Unjoni għandha tibqa’ tħallas bid-dollari għal xi tmenin fil-mija tal-importazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija? Għaliex ma tibdiex tħallas bil-ewro?
Imbagħad Juncker reġa’ tenna l-proposta li l-ħinijiet tas-sajf u tax-xitwa jitneħħew, u matul is-sena sħiħa fil-pajjiżi tal-Ewropa jinżamm l-istess ħin. Din l-idea li jien sibtha stramba meta ssemmiet l-ewwel darba, tidher li qajmet ħafna interess. Fid-dibattitu li qam wara li ntemm id-diskors dwar il-qagħda tal-Unjoni, diversi deputati tkellmu biss fuq dan is-suġġett. Juncker hu ġurdien xiħ li jaf kif idawwar id-diskussjoni lejn materji li mhumiex daqstant problematiċi.

BREXIT U L-BQIJA

Għax kollox ma’ kollox id-diskors fil-verità ftit daħħal perspettivi ġodda għalkemm kien miktub tajjeb ħafna. Ngħidu aħna, ir-referenza għall-Brexit kienet kawta ħafna. Smajna ripetizzjoni tal-punt li min jinsab barra l-Unjoni ma jistax jippretendi li jieħu li jaqbillu minn fuq il-mejda tagħha u dan bl-irħis, waqt li l-kelliem ma naqasx li jsemmi kif il-gvern Ingliż jinsab f’pożizzjoni diffiċli. Donnu ried jgħid li ma riedx iqanqal fil-plenarja tal-Parlament Ewropew kwistjonijiet li jikkomplikaw aktar il-ħajja diġà komplikata ta’ Mrs May, il-Prim Ministru Ingliża.
Anke dwar l-intenzjoni li l-Kummissjoni għandha ttajjar kemm tista’ xogħol ġdid li għandha quddiemha bilfors iqumu d-dubji. Hi trid li l-pjan finanzjarju għas-snin 2020 u l-2027 jiġi deċiż qabel il-Parlament Ewropew tal-lum ixolji, flimkien mat-tlestija ta’ proposti oħra fil-qasam taż-żona tal-ewro fost oħrajn. Juncker argumenta li m’hemm xejn kontra d-demokrazija f’ħaġa bħal din, anke jekk il-kummissarji u l-parlamentari tal-lum se jkunu qed jagħmlu deċiżjonijiet għal dawk ta’ warajhom. Biss, quddiem l-interessi diverġenti tal-pajjiżi membri u l-istennija għal bidla fit-tmexxija tal-Unjoni, kemm se jkollha saħħa reali l-Kummissjoni Juncker biex twassal għal kompromessi li jkunu fattibbli fil-ftit xhur li baqa’?
Insibu fid-diskors ukoll il-linja solta ta’ kemm Juncker jemmen fl-għaqda Ewropea, din id-darba marbuta mal-argument li min hu Ewropeista mhuwiex jiċħad lil pajjiżu, anzi qed isaħħu għall-futur. Tista’ tkun patrijott Ewropew u patrijott ta’ pajjiżek. Mhux il-patrijottiżmu li hu ta’ ħsara imma n-nazzjonaliżmu.
Għad irridu naraw kemm dat-tip ta’ diskors se jirbaħ l-imħuħ u l-qlub, jew kemm se jinfluwenza voti fl-elezzjoni Ewropej ta’ Mejju. Skont Juncker, hi tajba s-sistema ta’ spitzenkandidat, li biha jispiċċa jmexxi l-Kummissjoni dak il-mexxej tal-formazzjoni politika li tikseb l-akbar numru ta’ siġġijiet fil-Parlament. Biss dan l-arranġament kellu jsir fuq bażi ta’ partiti transnazzjonali — jiġifieri partiti li jikkontestaw fil-pajjiżi kollha bħala organizzazzjoni waħda. Hu awgura li talanqas fis-sena 2024, jintlaħaq dan l-istadju.
Il-battalja l-kbira għall-imħuħ u l-qlub tal-Ewropej għadha fil-bidu tagħha, naħseb jien. Ir-riċessjoni tal-2008 li l-effetti soċjali tagħha għadhom jinħassu, u issa l-immigrazzjoni, kebbsu n-nirien tal-firda fl-Ewropa. L-hekk imsejħa partiti moderati, tax-xellug u l-lemin, favur l-Ewropa qed jidhru wisq bħala tal-istess stoffa. Jekk ma joqogħdux b’seba’ għajnejn jistgħu jibqgħu jitilfu l-voti. F’tellieqa bejn il-populisti tal-lemin, il-lemin-ċentru u x-xellug-ċentru, tal-aħħar jistgħu jispiċċaw fit-tielet post. U l-mistoqsija mbagħad tkun min mit-tnejn l-oħra se jispiċċa quddiem?
Jisimgħu d-diskors ta’ Juncker fis-sala tal-plenarja kien hemm sproporzjon ta’ nies li jaqblu mal-ideat tiegħu. Id-diskors li għamel għoġobhom. Aktar tard, waqt li nżammu l-voti, maġġoranza kbira tad-deputati Ewropej vvotat favur riżoluzzjoni biex jittieħdu sanzjonijiet kontra l-gvern populista ta’ Orban fl-Ungerija għax qiegħed jikkalpesta l-valuri Ewropej. Imma kemm għadhom dawn id-deputati jirriflettu tassew is-sentimenti tal-votanti f’pajjiżhom?

Facebook Comments

Post a comment