Din kienet ġimgħa li matulha l-President Franċiz Francois Hollande telaq għat-tfittxija ta’ alleati fil-gwerra li jrid li ssir kontra d-Daex, l-istat Izlamiku li wettaq l-attakki terroristi tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi. Żar kwazi kuljum xi belt kapitali jew oħra, inkluza Malta. Diffiċli tgħid kemm kellu success f’din it-tfittxija għal zewġ raġunijiet.
L-ewwel, il-gwerra li jrid isaħħaħ Hollande kontra d-Daex tirrekjedi manuvri komplikati ħafna, mhux biss fil-kamp militari daqskemm f’dak diplomatiku. Il-pajjizi li lesti jikkombattu lid-Daex għandhom miri differenti ħafna fit-taħwida kbira li saret il-gwerra ċivili fis-Sirja u li ppermettiet lil din l-għaqda terroristika tikber u tinfirex. Biex iġġib lil dawn il-forzi flimkien trid twassalhom biex jaqblu ma’ linji ta’ tmexxija li jmorru kontra dak li ilhom jiddikjaraw. Uħud minnhom matul ix-xhur għalqu għajnejhom għal dak li kienu qed jagħmlu tad-Daex għax b’hekk tqawwew alleati oħra tagħhom.
Dawn il-komplikazzjonijiet splodew f’wiċċ Hollande ezatt meta kien qiegħed f’Washington għal diskussjoni mal-President Amerikan Obama. Ajruplan tal-attakk Russu ġie mwaqqa’ minn ajruplan Tork għar-raġuni li skont ma qalu t-Torok, waqt ħbit bl-ajru li kien qed jagħmel fuq forzi ribelli Sirjani, daħal fl-ispazju tal-ajru Tork.
It-tieni raġuni għad-diffikultajiet li sab ruħu fihom Hollande toħroġ mill-fatt li l-krizi tat-terrorizmu tħabblet, kif wieħed seta’ jistenna, ma’ dik tal-immigrazzjoni. Pajjiz bħall-Polonja li għadu kemm kellu bidla fil-gvern, iddikjara li mhux se jaċċetta l-kwota ta’ immigranti li tawh għax qed jibza’ li jista’ jkollu fosthom terroristi moħbija. Pajjizi membri oħrajn li ma nqdewx bl-istess kliem bħall-gvern Pollakk, qed jaħsbu l-istess ħaġa, jew bħala skuza, jew għax veru jinsabu mbezzgħin minn kif tista’ tizviluppa l-istorja.

SUMMIT FIT-TURKIJA

Għax l-immigrazzjoni rregolari kif ukoll il-wasla ta’ refuġjati mis-Sirja baqgħu għaddejjin bla waqfien. Fil-pajjizi Balkani, it-tensjoni qed tizdied hekk kif il-gvernijiet ta’ hemm qed iqisu li deħlin wisq nies fit-territorji tagħhom bla ma jistgħu jezerċitaw kontrolli serji fuq dak li jinsab għaddej. Sadattant, is-sistemi ta’ kontroll li kellha ddaħħal l-Unjoni Ewropea għadhom lura sew. Qed iqumu kwistjonijiet bejn il-pajjizi konċernati u qed tizdied il-probabbiltà li l-fruntieri bejniethom jingħalqu jew agħar.
Biex kwalunkwe kontroll fuq id-dħul tal-immigranti ġejjin mil-Lvant Nofshani jkun effettiv, ir-rwol tat-Turkija jibqa’ vitali. Għalhekk waqt il-laqgħa “informali” tal-Kunsill Ewropew li nżammet f’Malta f’Novembru, ġie deċiż li jinżamm summit mat-Turkija. Wara, matul il-laqgħa fit-Turkija tal-pajjiżi l-“kbar” miġbura flimkien taħt is-sigla tal-G20, il-President tal-Kunsill Ewropew Tusk u tal-Kummissjoni Ewropea Juncker tkellmu fit-tul mal-President Erdogan tat-Turkija.
Xejn ma marru tajjeb flimkien; Erdogan ma qagħadx jomogħdha. Akkuża lill-Ewropej li jridu jużawh għax sabu li għandhom bżonn it-Turkija imma mill-bqija damu s-snin biex jieħdu bis-serjetà n-negozjati għas-sħubija tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea. Injoraw ukoll it-talba qadima tat-Turkija biex iċ-ċittadini tagħha jkunu jistgħu jidħlu fl-Unjoni bla viża. Qed jintqal li għas-summit li se jinżamm fi Brussell mat-Turkija, l-uniku wieħed li l-Ewropej se jkunu żammew ma’ pajjiż ta’ daqs mezzan, mhux se jattendi l-President Erdogan imma l-Prim Ministru tiegħu.

L-IMMIGRANTI FIL-KESĦA

Bħal fil-każ tal-Afrikani, l-Ewropej huma interessati li jġibu mingħand it-Turkija impenn biex ma jħallux lir-refuġjati jitilqu mill-pajjiż u jaslu fl-Ewropa. Lesti joħorġu l-fondi biex iħallsu għall-ispejjeż li jkollha tidħol għalihom it-Turkija, imma n-naħa Torka qed tgħid li l-offerta li qed jagħmlulhom hi ċkejkna wisq. L-Ewropej se jkunu lesti jaraw kif jerġgħu jtellqu n-negozjati dwar is-sħubija tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea. Dwar l-għoti tad-dritt ta’ dħul bla viża fl-Ewropa, lesti jiddiskutuha għal ċerti kategoriji ta’ żjarat, bħal per eżempju fil-każ ta’ negozjanti.
Għal xi ġranet beda jintqal li l-aħħar diskussjonijiet mat-Turkija kienu qed jagħtu l-frott għax in-numru ta’ refuġjati deħlin fil-Greċja beda jonqos. Oħrajn qalu li dan ġara biss għax inzertaw jiem ta’ baħar imqalleb. Malli l-baħar ikkwieta, żdiedu r-refuġjati resqin fid-dgħajjes tagħhom.
U hekk kif it-temp beda jiksaħ, bl-eluf maqbudin fin-nord tal-Greċja u fil-widien tal-Balkani, qed jikber il-biża’ ta’ xi diżastru umanitarju. Fi sfond ta’ nazzjonaliżmu li qed jiħrax — mhux fil-Balkani biss — u jdaħħal konfront bejn popli Ewropej, il-kriżi tal-immigrazzjoni tista’ ssir splussiva. Għalkemm ħadd fost l-hekk imsejħa mexxejja “moderati” Ewropej, ma jridha dil-ħaġa, il-problema qalila tat-terroriżmu donnha tinsab dieħla fl-istess nisġa tal-problema dwar l-immigrazzjoni.
Fl-isforzi biex joħolqu appoġġi u alleati għall-ħidma tagħhom fuq iż-żewġ fronti, l-Ewropej qed isibu ruħhom maqbuda f’kontradizzjonijiet kbar. In parti, dawn jirriżultaw minn deċiżjonijiet li ħadu huma stess f’imgħoddi riċenti, bħal dwar Xengen, dwar it-Turkija u r-Russja. Kif u jekk se jirnexxilhom jegħlbu dawn il-kontradizzjonijiet se jkun fattur determinanti fil-mod kif fil-ġimgħat li ġejjin, se tinstab sigurtà u stabbiltà fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terrorizmu u tal-immigrazzjoni.

FI BRUSSELL

L-izviluppi li seħħew sadattant fi Brussel, il-kapitali tal-Ewropa, kienu drammatiċi. Fl-investigazzjonijiet li mexxew il-forzi tas-sigurtà Belġjani u Franċizi fis-subborg ta’ Brussell ta’ Molenbeek, jidher li ħarġu turijiet ċari ta’ attakki ġodda li kienu qed jitħejjew fi Brussell. Bla precedent kienet id-deċizjoni tal-gvern Belġjan biex jiddikjara stat ta’ urġenza. Għal erbagħt ijiem, għalaq is-servizzi tat-trasport publiku, il-postijiet ta’ divertiment u l-iskejjel.
Imma meta dawn reġgħu nfetħu, baqa’ jintqal li t-theddida ta’ attakk terroristiku kienet għadha hemm, allavolja numru ta’ nies suspettati b’terrorizmu ġew arrestati. Dan kollu kompla jzid fil-kontroversja għaddejja dwar kemm is-servizzi ta’ sigurtà Ewropej qed jaħdmu tajjeb. Il-kritika qed tkun li mhumiex jikkordinaw bejniethom dwar l-informazzjoni u s-suspetti li jkollhom. Is-servizzi ta’ sigurtà Belġjani mbagħad qalgħu l-kritika li anki fl-intern tal-pajjiz, m’għandhomx kordinament u sorvelja serji.

Facebook Comments

Post a comment