Mill-bidu ta’ dis-sena, inbidlet il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u wara l-Awstrija, daħlet ir-Rumanija għal dil-funzjoni. Bħal fil-każ ta’ Malta sentejn ilu, hi l-ewwel darba li dal-pajjiż se jkun qed “imexxi” l-Unjoni Ewropea.
Veru li jkun qed “imexxi”?
Fil-fatt le: il-Presidenza tagħti skop għall-pajjiż li jkun fiha biex matul sitt xhur jiggwida d-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet li l-Unjoni tkun trid tieħu biex iżżomm ħidmietha għaddejja. Sitt xhur malajr jintemmu. Il-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew, li t-tnejn għandhom kariga li ddum sejra rispettivament ħames snin u sentejn u nofs, jistgħu — għax idumu aktar fil-kariga — jinfluwenzaw b’mod aqwa, l-andament tal-politika Ewropea.
Anke huma madankollu, ma jsibuhiex ħaġa faċli jsammru l-għażliet politiċi jew ekonomiċi tal-Unjoni. Il-fatt li hemm 28 gvern involuti (27 bil-Brexit) ifisser li l-manjiera kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa hi komplikata ħafna. Il-kontroversji li baqgħu jagħqdu dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-snin għoxrin, kif ukoll l-imblokkar effettiv ta’ kull deċiżjoni siewja dwar l-immigrazzjoni lejn l-Ewropa, juru kif fuq affarijiet sostanzjali, il-Presidenza tal-Unjoni, tkun ta’ min tkun, ma tistax tistenna li se twettaq mirakli.
Aktar u aktar tqum dil-problema minħabba d-drawwa li donnha daħlet fl-aħħar sentejn. B’mod miftuħ, meta jqumu proposti għal żviluppi ġodda fil-politika Ewropea, kulħadd donnu jieħu pass lura. Kulħadd jistenna li l-Ġermanja u Franza jpoġġu flimkien u jaqblu bejniethom l-ewwel dwar x’iridu. Dil-ħaġa żgur qed tiġri fiż-żona tal-ewro.

SUSPETTI U DUBJI

Ir-Rumanija mhijiex membru taż-żona ewro, għalkemm bħal kull membru tal-Unjoni (ħlief id-Danimarka) hi impenjata li ddaħħal l-ewro malajr kemm jista’ jkun. Titqies wieħed mill-pajjiżi l-anqas għonja tal-Unjoni. Għalhekk hi interessata ħafna fil-ħtieġa li l-pajjiżi differenti tal-Unjoni jersqu malajr kemm jista’ jkun lejn l-istess livelli ta’ għajxien. U din hi tema li qed issir kruċjali fl-iżvilupp taż-żona ewro.
L-akbar żvantaġġ tar-Rumanija bħalissa hu li tinsab taħt sħaba sewda. Ħafna jqisu li l-gvern soċjal demokratiku tagħha (illum f’koalizzjoni mal-partit liberali) hu mtebba’ wisq bil-korruzzjoni u bl-abbużi tal-poter li ilhom snin twal jiffermentaw. Dis-sena, l-akkużi kontra r-Rumanija reġgħu faru, mhux l-anqas fil-Parlament Ewropew. F’hekk, wara l-Ungerija, l-Polonja u Malta, kien imiss lir-Rumanija fejn ftit taż-żmien ilu, qamu dimostrazzjonijiet kbar ta’ protesta fit-toroq, tneħħa l-Prim Ministru u minfloku biex tmexxi, daħlet deputata tal-Parlament Ewropew Viorica Dancila. Igħidu li hi sempliċement pedina li tieħu l-ordnijiet mingħand il-mexxejja veri tal-gvern, li għandhom ir-riedni politiku u li llum jibqgħu fl-isfond.
Ma naqsux f’dan kollu akkużi li l-gvern qed ibagħbas bil-ġudikatura u bis-servizzi tas-sigurtà ħalli jikkontrolla kull fergħa tal-istat u jkompli jwettaq l-abbużi. Naturalment rappreżentanti tal-gvern Rumen dejjem jiċħdu dan kollu. Isemmu kif f’ħafna oqsma tal-poteri statali inklużi l-ġudikatura u s-servizzi sigrieti tal-pajjiż, għad baqa’ sodi klikek li kienu attivi sew sa minn żmien id-dittatura “komunista” ta’ Nicolae Ceaucescu. Dan kien spiċċa mtajjar u maqtul fir-revoluzzjoni Rumena tal-1989 li temmet ir-reġim “komunista”.
Il-kritika lejn ir-Rumanija ma bdietx illum. Kienet raġuni għaliex il-pajjiż baqa’ ma ġiex aċċettat bħala membru fiż-żona ta’ Xengen. L-argument kien li s-sistemi tas-sigurtà miżmuma fir-Rumanija mhumiex sodisfaċenti. Jeħtiġilhom jitjiebu aktar. Ingħiduha b’mod aktar skjett: L-Ewropej ma kellhomx fiduċja fis-servizzi ta’ ħarsien u sigurtà Rumeni. Matul is-snin, saru sforzi biex it-tmexxija tagħhom titjieb. Xorta waħda, r-Rumanija għadha barra minn Shengen, minkejja l-protesti tal-mexxejja tagħha.
F’Diċembru li għadda, il-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker donnu kien qed jipprospetta li sa tmiem il-Presidenza tagħha, r-Rumanija tiddaħħal fiż-żona Schengen. (Il-Parlament Ewropew ilu li għamel stqarrija favur dil-ħaġa.) Madankollu, sal-aħħar tax-xahar, Juncker kien donnu bidel id-diska. Wara laqgħa mal-Prim Ministru Rumen Dancila, hu stqarr ma’ ġurnal influwenti Ġermaniż li teknikament, ir-Rumanija setgħet twettaq sew il-funzjonijiet tagħha bħala President tal-Unjoni Ewropea. Imma ma kinitx ħaġa ċara li politikament lesta biex tagħmel hekk. Ħteġilha tirrispetta aħjar il-valuri Ewropej fil-mod kif twettaq il-proċeduri politiċi, sostna Juncker.
Din l-istqarrija bilfors kellha toħloq diżgwid. Juncker rari tkellem b’dil-frankezza dwar membru tal-Unjoni li kien qed jiġi kritikat. Għalkemm jinsabu dubjużi minn uħud mit-tattiċi li qed isegwi l-gvern Rumen, il-ħbieb tiegħu fl-istituzzjonijiet Ewropej – speċjalment is-soċjalisti – qed jissuspettaw li fin-nofs hemm maniġġ min-naħa tal-Partit tal-Popolari. Jucker kien ir-rappreżentant ewlieni tiegħu (spitzenkandidat) fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 u qed jara kif jiddefendi l-interessi tal-partit. Għax taħt attakk politiku kbir li baqa’ ma qatax, anzi żdied fl-aħħar ġimgħat, jinsab Viktor Orban, Prim Ministru tal-Ungerija, membru tal-Popolari. Billi jdawru l-kanuni għal fuq ir-Rumanija, il-Popolari jkunu qed ibenġlu l-effetti ħżiena għalihom tal-attakk fuq Orban u b’hekk jikkonsolidaw il-voti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Dik hi t-teorija fost ċerti nies, mil-lemin u x-xellug. Niddubita kemm għandhom raġun. Ma nafx kemm votanti fil-Portugall, jew l-Isvezja jew f’Malta, fost oħrajn, se jiddeċiedu kif jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew skont il-kontroversji dwar l-Ungerija jew ir-Rumanija.

IL-PJAN GĦALL-PRESIDENZA
Sadattant, ta’ min wieħed jagħti ħarsa lejn il-pjan li r-Rumeni ħejjew għall-Presidenza tagħhom. Jidhirli li hu wieħed realistiku u ċar, b’għanijiet meħtieġa fl-Ewropa tal-lum. Fuq quddiem nett, l-ewwel priorità li jpoġġu għal ħidmiethom hi: dik li biħsiebhom jagħtu kontribut ħalli jassiguraw li fl-Ewropa titkattar soċjetà fejn in-nies iħossuhom eqreb ta’ xulxin u jiftehmu aktar ma’ xulxin. B’hekk nilħqu “opportunitajiet ta’ żvilupp sostenibbli u ugwali għaċ-ċittadini u l-istati membri kollha”.
It-tieni priorità hi li jiżdiedu l-isforzi ħalli tissaħħaħ is-sigurtà interna fost iċ-ċittadini Ewropej u t-tielet waħda hi dik li l-Ewropa tippreżenta ruħha bħala “aġent aktar qawwi fid-dinja”.
Naqbel ħafna mal-għanijiet tar-Rumanija dwar kif trid iġġib il-livelli ekonomiċi u soċjali tal-Unjoni Ewropea qrib ta’ xulxin. Problema kbira fl-Ewropa hi s-sens ta’ inugwaljanza soċjali, fejn uħud baqgħu u għadhom igawdu, minkejja l-awsterità li tħaddmet, suppost għal kulħadd; u l-bqija tpoġġew iġorru l-piżijiet. Dil-ħaġa tinħass ukoll fir-raba’ priorità tal-presidenza Rumena, dik li tippromwovi “Ewropa ta’ valuri komuni”, li tikkombatti d-diskriminazzjoni, f’qagħda fejn ċansijiet u trattament ugwali jinfetħu għal nisa, irġiel u żgħażagħ. Huma l-ideali li ma tistax ma taqbilx magħhom, ta’ Ewropa soċjali.
Fejn ma naqbilx mal-programm Rumen hu meta jisħaq fuq il-ħtieġa li jissoda l-preżenza militari tal-Ewropa. Nifhem minn fejn ġejja din ir-rieda, imma ma nistax naqbel magħha. Hu żball kbir li l-Unjoni trendi ruħha f’organizzazzjoni b’interessi militari.

***

PROBLEMI U SFIDI RUMENI

F’intervista, l-ambaxxatriċi Rumena għall-Unjoni Ewropea Luminita Odobescu qalet li l-presidenza ta’ pajjiżha mhijiex “klassika”. Dan għax effettivament se ddum biss erba’ xhur; fix-xahrejn ta’ Mejju u Ġunju, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u x’jiġri warajhom jaħkmu x-xenarju. Dan hu minnu. Imma fl-ewwel erba’ xhur, se jkun seħħ il-Brexit, u għall-presidenza tal-Unjoni, dan se joħloq tensjonijiet u sfidi li mhux la kemm twarrabhom. Ukoll, se jkomplu n-negozjati dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-snin għoxrin ta’ das-seklu.
Le, id-diplomatiċi u uffiċjali tar-Rumanija mhux se jkollhom għalfejn jongħosu, minkejja li effettivament għandhom biss erba’ xhur ta’ ħidma. Il-possibiltà hi wkoll li se jinqala’ min jipprova jħarbat il-ħidma tal-presidenza Rumena għal raġunijiet politiċi marbuta kemm mat-tmexxija interna tal-pajjiż. Imma x’hemm ġdid f’dawn il-problemi u sfidi?

Facebook Comments

Post a comment