Meta ltaqgħu f’Ruma biex jiċċelebraw is-sittin anniversarju tal-iffirmar tal-ewwel trattati li minnhom twieldet l-Unjoni Ewropea, il-mexxejja tas-seba’ u għoxrin pajjiż membru tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iffirmaw Dikjarazzjoni ġdida. Fiha elenkaw aġenda ta’ ħidma għaż-żmien li ġej. Impenjaw ruħhom li se jsegwuha.
Meta tgħidha hekk il-biċċa, tinstema’ impressjonanti. Wara żmien li fih mhux ħlief jissemmew l-inċertezzi li qed jiffaċċja il-proġett Ewropew, il-fatt li jkun instab qbil fost kulħadd fuq programm ta’ ħidma komuni deher bħala wieħed importanti. Id-dokument kien tkewwes fil-ġimgħat ta’ qabel mir-rappreżentnati diplomatiċi tal-pajjiżi u tal-Kummissjoni. Il-lingwaġġ użat fih jgħatti d-differenzi bejn il-partijiet. Jisħaq fuq x’hemm bejniethom li għandu jgħaqqadhom.
Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma kienet żieda mat-tliet riżoluzzjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa li għaddew mill-Parlament Ewropew fl-aħħar ġimgħat; kif ukoll mal-White Paper dwar l-istess suġġett tal-Kummissjoni. Se jispiċċaw kollha kemm huma dokumenti li jissemmew mhux ħażin f’li ġej, hekk kif il-futur tal-kontinent tpoġġa għad-diskussjoni. Il-mistoqsija ċentrali baqgħet: wara l-kriżijiet tal-aħħar snin, li wasslu għall-aqwa skoss sa issa – bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni – x’tista’ tagħmel l-Ewropa biex iżżomm sod fil-proġett ta’ għaqda?
Barra l-Brexit, matul l-aħħar snin, kellha taffaċċja mingħajr wisq suċċess kriżijiet fl-oqsma taż-żona tal-ewro, tar-relazzjonijiet mar-Russja, tal-qgħad u l-investimenti, tal-immigrazzjoni, tat-terroriżmu… Għal ħafna deher li qisu l-Unjoni daħlet fi sqaq u m’hemmx li toħroġ minnu. Partiti populisti li qegħdin jippriedkaw favur li pajjiżhom joħroġ miż-żona tal-ewro, jew addirittura mill-Unjoni, bdew jiksbu appoġġ dejjem akbar mill-votanti.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ BERLIN

Tajjeb għalhekk li wieħed jagħti ħarsa lejn xi tgħid id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma. Biss fl-aħħar mill-aħħar, wieħed jiftakar li qabel wasal is-sittin anniversarju, żgur għaxar snin ilu ġie l-ħamsin sena mill-iffirmar tat-trattati! X’ċerimonji saru dak innhar? X’dikjarazzjonijiet ġew iffirmati? Fis-sena 2007, xejn mill-kriżijiet li semmejna, u problemi oħra magħquda magħhom, ma kienu għadhom laqtu lill-Unjoni. Il-kraxx finanzjarju u ekonomiku tal-2008 kien riesaq imma ħadd ma kien qed jinduna bih! L-Unjoni Ewropea kienet tagħti l-impressjoni li qed tavvanza tajjeb ekonomikament u soċjalment.
Filfatt, iċ-ċerimonja ta’ tifkira nżammet f’Berlin peress li l-Ġermanja kellha bħal Malta llum, il-Presidenza tal-Unjoni. Saret ukoll Dikjarazzjoni, imsemmija ta’ Berlin, imma ffirmawha biss Hans-Gert Pottering, dak iż-żmien President tal-Parlament Ewropew, Jose Manuel Barroso, President tal-Kummissjoni Ewropea, u Angela Merkel, diġá kanċellier Ġermaniża, bħala l-inkarigata mill-presidenza tal-Unjoni Ewropea. (Dak iż-żmien il-post ta’ President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien għadu mhux stabbilit.)
Fid-Dikjarazzjoni tagħhom, dawn it-tlieta ppreżentaw ruħhom bħala “Aħna ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea”. Telqu billi stqarrew li “aħna ingħaqadna għall-aħjar”: “Għal sekli, l-Ewropa kienet idea, li offriet it-tama għal paċi u għarfien (bejn il-ġnus). Dik it-tama issa twettqet. L-għaqda Ewropea għamlet possibbli kemm il-paċi u kemm il-prosperitá.” Quddiem l-Ewropej, qalu l-firmatarji, kien hemm ħafna għanijiet li setgħu jintlaħqu biss b’ħidma komuni li tinvolvi lil kulħadd. Allura dil-ħidma kellha titqassam bejn l-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi membri tagħha, u r-reġjuni u awtoritajiet lokali tagħhom, għax l-isfidi ma setgħux jingħelbu minn ġol-fruntieri nazzjonali.
Skont id-Dikjarazzjoni ta’ Berlin, il-mudell Ewropew kien qiegħed iwassal għal suċċess ekonomiku u qed jorbot das-suċċess ma’ sens ta’ responsabbiltá soċjali. Fil-bqija tad-dokument, il-firmatarji jistqarru miri li huma pjuttost vagi. Iwegħdu li se jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-immigrazzjoni llegali. Isostnu l-impenn tagħhom favur ir-riżoluzzjoni paċifika ta’ konflitti fid-dinja. Se jipprovdu tmexxija komuni fl-oqsma tal-enerġija u l-ħarsien tal-klima. Fl-aħħar jiddikjaraw li bl-għaqda Ewropea, ħolma tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom saret realtá. Iwegħdu li se jipproteġu u jġeddu skont iż-żminijiet, is-sura politika li ħadet l-Ewropa.
Minkejja li ngħata libsa modesta u l-lingwaġġ li bih inkiteb baqa’ ġenerali, ftit hemm dubju li d-dokument ta’ Berlin wera sens qawwi ta’ fiduċja fl-Unjoni Ewropea: fil-kisbiet u fil-futur tagħha. Sa sena wara, kienet faqqgħet il-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008. Dan is-sentiment malajr beda jixxaqqaq.

X’INKITEB F’RUMA

Għaxar snin għaddew u l-Unjoni Ewropea tinsab fejn tinsab. Din id-darba d-Dikjarazzjoni li timmarka l-anniversarju ma ġietx iffirmata minn tlieta. Infetħet għall-mexxejja kollha tal-pajjiżi membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’hekk, kellu jintwera li t-tentazzjoni tal-Brexit qed tiġi kontrollata. Forsi dan l-effett intlaħaq, għalkemm m’inix konvint.
Bl-istess intenzjoni, biex isaħħu d-dehra ta’ rieda komuni, il-firmatarji ta’ Ruma daħlu f’ċertu dettall dwar x’se jkunu l-għanijiet tagħhom għall-Ewropa. Wegħdu ħidma fuq erba’ binarji. Dawn kellhom iwasslu lejn: Ewropa li tħossha mħarsa u sigura mit-terroriżmu; għaqda ta’ pajjiżi b’ekonomiji li qed jikbru u joħolqu l-impjiegi, b’żona tal-ewro li ssir dejjem aktar kompatta; Ewropa soċjali, li tippromwovi progress soċjali u ekonomiku, waqt li tressaq lill-partijiet differenti tas-suq wieħed eqreb lejn xulxin; u Ewropa dejjem aktar qawwija u soda fix-xena globali. Stqarrew: “Se nsegwu dawn l-għanijiet b’fidi soda li l-futur tal-Ewropa jinsab f’idejna u li l-Unjoni Ewropea hi l-aqwa għodda biex nilħqu l-oġġettivi tagħna.”
Tliet punti fid-Dikjarazzjoni kollha jiġbdu l-attenzjoni. L-ewwel, kien hemm ir-referenza għall-Ewropa soċjali. Is-soċjalisti qisuha bħala l-kontribut kbir tagħhom, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker, anki jekk xtaqu li tissemma b’aktar qawwa. Imma kien hemm reżistenza għal dan.
Fit-tieni post, kellu jinstab kompromess dwar kif se jsemmu l-proċess li bih uħud mill-pajjiżi membri xtaqu jkomplu jdaħħlu aktar għaqda bejniethom f’ċerti oqsma, anki jekk membri oħra ma jkunux iridu jagħmlu l-istess. Dan qajjem kritika kbira li resqin lejn Ewropa bl-ewwel u bit-tieni klassi ta’ membri. Biex tinħall dil-problema, instabet din id-diċitura: “Se naġixxu flimkien, b’passi u b’intensitá differenti fejn meħtieġ, waqt li lkoll nibqgħu mexjin fl-istess direzzjoni, kif għamilna fl-imgħoddi”.

ID-DIBATTITU MIFTUĦ

U t-tielet punt kien jirrigwarda l-iżvilupp ta’ politika ta’ difiża u sigurtá. Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma ssemmi l-impenn għal “Unjoni li se tkun lesta tieħu responsabbiltajiet usa’ u tgħin biex tinħoloq industrija tad-difiża aktar kompetittiva u integrata… (Ewropa) impenjata li ssaħħaħ is-sigurtá u d-difiża komuni”.
Id-Dikjarazzjoni ttemm bil-kliem: “Aħna bħala Mexxejja…. se nassiguraw li l-aġenda tal-lum tiġi mwettqa, biex issir ir-realtá ta’ għada. Ingħaqadna għall-aħjar. L-Ewropa hi l-futur komuni tagħna.” L-aħħar ħames kelmiet kienu wkoll fit-tmiem tad-Dikjarazzjoni ta’ Berlin. Punt kurjuż hu dan: waqt li l-istqarrija ta’ Berlin, iffirmata minn tlieta minn nies, inkitbet f’isem “iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ingħaqdu għall-aħjar”, id-diċitura ta’ dik ta’ Ruma, kif għedna, tibda hekk: “Aħna, il-Mexxejja ta’ 27 Pajjiż Membru u tal-Istituzzjonijiet Ewropej…” Donnu li f’Ruma l-mexxejja Ewropej ma kinux aktar żguri li jistgħu jidentifikaw irwieħhom maċ-ċittadini.
Issa, id-dibattitu hu miftuħ. L-għażliet li jridu jsiru b’mod jew ieħor, tpoġġew fuq il-mejda. Biss il-biċċa mhux se tkun sempliċi. Mal-bidu tan-negozjati dwar il-Brexit, se jkunu qed jinfetħu firdiet ewlenin bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni. Dawn se jitrikkbu fuq firdiet li diġà jinsabu hemm, imqanqla fost oħrajn, mit-tmexxija taż-żona ewro u mill-immigrazzjoni. Ix-xenarju se jkun ikkomplikat ħafna.

Facebook Comments

Post a comment