Zdied in-nervozizmu fl-Ewropa. M’għadux iffokat biss fuq il-qagħda ekonomika li ilha tqanqal tħassib. Hu nervozizmu issa wkoll li qed iqum dwar is-sigurtà. Kien hemm l-attakki f’Pariġi. Imbagħad l-inċidenti fil-Belġju, l-aktar Verviers; imma anki Brussell inqabdet fit-tensjoni.
Tista’ tħossha minn kif jitkellmu dawk li jsuquk minn post għal post, minn kif iġibu ruħhom l-uffiċjali li jmexxu s-sigurtà. Sa ġimgħa ilu, tal-aħħar kienu jkunu ftit jew wisq distratti. Illum tarahom attenti sew.
Kull meta ġara dan l-izvilupp, nagħmlu ftit ġimgħat ta’ kontrolli ftit jew wisq stretti, imbagħad bil-mod il-mod jillaxkawhom. Se jiġri l-istess din id-darba?
Forsi.
Problema tal-Ewropa hi li drat tgħix b’mod miftuħ, biex ma ngħidlux ixxamplat. Hu dan li taha l-attrazzjoni – jien insejjaħlu, is-“soft power” – tagħha. Diffiċli tipprevedi kemm stil ta’ għajxien bħal dan jista’ jiġi sostnut fiċ-ċirkostanzi tal-lum. Dnub.

***

KONĊENTRAMENT

Qed inqajjem il-mistoqsija kmieni wisq? Aħjar kmieni minn tard.
Kemm jaqblilna, bħala pajjiz, li l-assi turistiċi tagħna – speċjalment l-azjendi l-kbar ta’ lukandi, appartamenti ta’ lussu, ristoranti – jispiċċaw ikkontrollati minn ftit sidien?
Jekk jiġri hekk konsegwenza tista’ tkun li l-varjetà ta’ strateġiji segwiti mill-imprendituri turistiċi tagħna tiċkien għal raġunijiet ovvji.
Mentri meta jkun hemm varjetà wiesgħa ta’ negozji bil-metodi partikolari tagħhom kif iġibu turisti lejn Malta, il-pajjiz ikun jista’ jieħu vantaġġ minn possibilitajiet differenti fi swieq differenti.

***

PENSJONI

Qed ngħixu għal zmien ħafna itwal milli konna nagħmlu tletin sena ilu. Il-pizijiet finanzjarji tal-pensjonijiet qed jikbru u se jkomplu jikbru. Biss, il-livelli tal-pensjonjiet qegħdin aktar ma jgħaddu s-snin, aktar jinħassu bħala baxxi wisq.
Il-kwistjoni tal-pensjonijiet ilha fuq il-mejda. Għadna ma ffaċċajnihiex sal-aħħar. Politikament tqajjem wisq problemi.
Biex tagħqad, matul is-snin baqa’ jkun hemm insistenza minn uħud li s-sistema tal-pensjonijiet trid tkun bilfors “self financing”: minn dak li jidħol f’kontribuzzjonijiet soċjali, irid ikun hemm bizzejjed biex jitħallsu l-pensjonijiet.
F’soċjetà fejn hemm saffi tal-poplu li qed jaqilgħu flus tajba ħafna u oħrajn li qed jgħixu bil-prekarjat, ma naħsibx li din għadha (jekk qatt kienet) premessa valida. Ma narax għaliex f’isem il-ġustizzja soċjali, parti mill-piz tal-pensjonijiet m’għandhiex toħroġ mit-taxxi fuq dawk bi qliegħ qawwi.
Qed jagħmel l-istess argument (għalkemm għal skopijiet oħra) il-President Obama fl-Istati Uniti. Anki hemm – jew fuq kollox hemm – proposti ta’ dat-tip iqajmu z-zunzan. Osservaturi ċiniċi qed isostnu li hu għax issa resaq lejn tmiem il-ħidma politika tiegħu u ma jistax jerġa’ joħroġ għall-elezzjoni, li Obama telaq għal għonq din it-triq.

Alfred Sant
22 ta’ Jannar 2015

Facebook Comments

Post a comment