L-elezzjoni bikrija fil-Greċja qed tqanqal interess u tensjoni. Jidher li ċ-ċansijiet huma kbar li l-partit tas-Siriża jiġi fuq quddiem bid-dritt li jingħata ħamsin siġġu aktar milli jkun ġab direttament fl-elezzjoni u għalhekk id-dritt ukoll li jara jistax jifforma gvern. Il-wegħda tas-Siriża hi li jaqleb il-politika ta’ awsterità imposta fuq il-poplu Grieg billi jdaħħal programm ta’ assistenza soċjali u ta’ investimenti publiċi. Biħsiebu jinnegozja biex id-djun li tellgħet il-Greċja mal-pajjiżi taż-żona ewro jitħaffu sew.
Dawn se jirreżistu bl-akbar qawwa l-pjan tas-Siriża. L-aktar argument effettiv tal-partit hu dan: il-pjan ta’ salvataġġ għall-Greċja kien maħsub biex fl-aħħar joħroġ lill-pajjiż mill-madmad tad-djun li tgħabba bihom.
Madankollu kemm ilu għaddej is-salvataġġ, il-piż tad-djun fuq il-Greċja bħala persentaġġ tal-ekonomija kollha kemm hi ŻDIED u mhux naqas bi kwazi t-terz.
Ta’ Siriza għandhom raġun isostnu li dil-ħaġa mhix aċċettabbli.

***

IL-MARSA SHIPBUILDING

Id-deċizjoni dwar kif se jintuzaw l-art u l-faċilitajiet ta’ dik li kienet il-Marsa Shipbuilding (MS) hi kruċjali għall-futur tal-Port il-Kbir. L-MS jirrapreżenta wieħed mill-aqwa assi tal-port tagħna, fid-daqs, fil-faċilitajiet u fil-qagħda strateġika li jokkupa.
Id-deċizjoni li ttieħdet fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor minn gvern Laburista għal dak li seta’ jsir bis-sit kienet kuraġġuza u ambizzjuża għal dak iż-żmien. Imma twettqet b’metodi li mhux dejjem kienu addatti għall-ħidma li konna dħalna għaliha. Naf dan mill-esperjenza personali għax kont imdaħħal fit-twettiq tal-proġett kemm meta beda jitħassel u b’mod aktar importanti fil-bidu tas-snin tmenin meta kont nirraprezenta l-interessi tal-gvern Malti bħala azzjonist ewlieni fost l-interessi li kienu investew fil-proġett ta’ bini tal-vapuri.
Illum ix-xenarju nbidel għal kollox. Biss, tibqa’ l-ħtieġa assoluta li l-għanijiet issettajti għall-proġett il-ġdid ikunu strateġikament validi u fattibbli. Aktar minn hekk, il-gvern irid ikun żgur li dawk li jintgħażlu biex jidħlu fil-proġett ikunu ta’ kalibru u persuni li bla dubju ta’ xejn jimmeritaw il-fiduċja.

***

LUMPENPROLETARJAT

F’imgħoddi meta s-soċjoloġija Marksista kienet għadha “moda”, konna niddiskutu fost oħrajn dwar it-tifsira tal-lumpenproletarjat – jiġifieri dawk is-saffi tas-soċjetà li f’sistema kapitalista, ma jkollhom l-ebda ħarsien, l-ebda rabta mal-bqija. Allura jkunu jistgħu jiġu esplojtati mis-sidien. Jaċċettaw kondizzjonijiet ta’ xogħol u għajxien li ħaddiema oħra jabborru. Tal-lumpenproletarjat jiddaħħlu minflokhom għax is-sidien ikunu jistgħu jħaddmuhom u jkeċċuhom skont il-bżonn.
Il-lumpenproletarjat għadu magħna. Fil-komunitajiet etniċi fis-subborgi tal-bliet Ewropej, mijiet ta’ eluf ta’ zgħazagħ spiċċaw mitluqa għal rashom, bla tama, bla futur.
Lesti għall-esplojtazzjoni: mill-imprendituri kapitalisti… jew mill-promoturi tal-ġiħad taparsi Iżlamika imma fil-fatt niħilista, bħal kull ħidma ta’ terrur.

Alfred Sant
19 ta’ Jannar 2015

Facebook Comments

Post a comment