Fuq il-bażi tal-preżentazzjoni li għamel illum quddiem il-Kumitat tal-kontroll budgetarju tal-Parlament Ewropew, Dr Toni Abela ma kienx jistħoqqlu li jitlef il-vot. Kien ċar, sinċier u dettaljat fit-tweġibiet li ta.
Deher sew matul is-seduta li s-smigħ tiegħu ġie avvelenat mill-misinformazzjoni anonima li xterdet fl-aħħar ġimgħa mal-membri tal-kumitat. Din kienet tikkonċerna l-każ totalment falz li tqajjem kontrih fl-aħħar kampanja elettorali dwar li għalaq għajnejh għal min kien qed jittraffika fil-kokaina. Dik l-allegazzjoni kienet ġie skredidata mill-pulizija u ma tqajmitx aktar minn dak iż-żmien lil hawn ħlief minn ftit tal-ġimgħat ilu. Imma numru ta’ deputati Ewropej fuq il-kumitat fittxew li jistaqsu dwar il-każ aktar milli dwar il-kompetenzi u l-fehmiet ta’ Dr Abela.
Ukoll deher ċar li fil-kumitat bdiet tingħata aktar importanza mhux lill-kompetenza professjonali wiesgħa tal-persuni nominati, daqskemm lill-esperjenza teknika stretta tagħhom fl-awditjar. Nemmnu li metodu bħal dan mhux korrett. Ma jagħtix kont biżżejjed tal-kompetenzi legali li jifformaw parti mix-xogħol tekniku tal-Qorti tal-Awdituri. Serva biex jissottovaluta bil-kbir il-valuri personali u professjonali ta’ Dr Abela.
Wara l-vot, xorta waħda għadna nħossu li Dr Abela għandu l-kwalitajiet idonei biex jagħti kontribut sħiħ u validu lill-Qorti tal-Awdituri. Nistqarru l-fiduċja tagħna sħiħa fil-ħila u l-integrità tiegħu.

Miriam Dalli,Marlene Mizzi,Alfred Sant
15 ta’ Marzu 2016

Facebook Comments

Post a comment