L-Unjoni Ewropea se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mat-Tuneżija billi tipprovdilha €70 miljun fil-baġit tagħha filwaqt li tistħarreġ il-possibilita` li timplimenta missjoni hemmhekk bħala parti mis-sistema ta’ sigurta` u politika ta’ difiża. Dan kollu l-UE qed tagħmlu biex tgħin lit-Tuneżini fil-protezzjoni u l-ħarsien tal-fruntieri, speċjalment il-fruntiera mal-Libja.

Il-Prim Ministru Tuneżin Habib Essid u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taieb Baccouche, kien mistieden Brussell għall-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. Waħda mis-sessjonijiet kienet dwar is-sitwazzjoni fit-Tuneżija, pajjiż li ntlaqat ħażin fis-settur ekonomiku u anki sofra attakki terroristiċi katastrofiċi f’Sousse u Bardo.

Il-President tal-Parlament Ewropew Jean-Claude Juncker qal li l-UE fl-2015 għamlet is-somma ta’ €116 miljun disponibbli għas-sostenn tat-Tuneżija u ħabbret li €70 miljun oħra se jiżdiedu ma’ din is-somma, bil-kunsill jistaqsih biex ‘jesplora l-possibilita` li t-Tuneżija tingħata aktar fondi minħabba s-sitwazzjoni li qed taffaċċja.’ Juncker qal li fix-xhur li ġejjin, il-kooperazzjoni tal-UE mat-Tuneżija se tiżdied.

Is-sostenn tal-UE lejn it-Tuneżija se jkun indirizzat lejn 3 oqsma qalet ir-rappreżentanta tal-Affarijiet Barranin tal-UE Federica Mogherini. Dawn huma s-sostenn ekonomiku, sostenn għal tranżizzjoni demokratika li rat il-bidu tagħha wara ‘r-rivoluzzjoni’ fl-2011 u għajnuna biex tirrispondi għat-theddida tat-terroriżmu.

Fl-aħħar ta’ Mejju l-UE ipproponiet sensiela ta’ azzjonijiet li kienu jinkludu t-tisħiħ tal-forzi tas-sigurta` permezz ta’ taħriġ, sostenn għall-ksib tal-informazzjoni permezz tal-ispjunaġġ, u titjieb fil-metodi tal-pulizija Tuneżina. Fl-aħħar tas-sena se jingħataw €23 miljun għal dan il-programm ta’ sigurta`. Fil-laqgħa l-ministri qalu li l-istati membri tal-UE huma lesti li jsostnu lit-Tuneżija permezz ta’ strumenti apposta biex jgħinuha tiġġieled kontra t-terroriżmu.

Il-Kummissjoni Ewropea se tifli l-għażliet kollha possibbli u tissottometti l-proposti lill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun, biex jitwaqqaf l-estremiżmu u jkun protett is-settur turistiku. Il-Ministri talbu biex il-programm tal-UE għar-riformi tas-settur tas-sigurta` jitlesta malajr ħalli jkun implimentat fix-xhur li ġejjin.

Fuq livell politiku, l-Unjoni Ewropea se tkompli ssostni l-konsolidament tar-riformi demokratiċi, u fuq livell ekonomiku, l-Unjoni Ewropea enfasizzat is-sinjali pożittivi għall-investituri fit-Tuneżija permezz tan-negozjati għall-kummerċ ħieles bejn iż-żewġ pajjiżi.

Facebook Comments

Post a comment