Kumpaniji kbar tal-farmaċewtika u tal-industrija finanzjarja qed iżidu t-tattiċi ta’ persważjoni tagħhom biex jgħinu li jsir dan il-ftehim ta’ kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea (TTIP). Dan sar magħruf minn investigazzjonijiet li qegħdin jagħmlu organizzazzjonijiet mhux governattivi li qed jinvestigaw l-influwenzi u l-pressjoni li qed iħallu effett fuq in-negozjati tal-ftehim ta’ kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.

L-industrija tal-farmaċewtika żdiedet il-pressjoni b’seba’ darbiet bejn l-2012-2013 u l-2013-2014 biex tinfluwenza n-negozzjar tal-ftehim. Is-settur finanzjarju u dak tal-makkinarju wkoll żdiedu l-pressjoni fuq l-istess perijodu ta’ żmien.

Corporate Europe Observatory (CEO) u l-NGO ‘Sum of Us’ osservaw li l-atteġġjament tal-Kummissjoni fin-negozjati tat-TTIP ixaqleb b’mod qawwi lejn l-interessi tal-korporazzjonijiet il-kbar. Wara li l-Iżvediża Cecilia Malmström saret il-Kummissarju tal-Kummerċ fl-2014 flok Karel De Gucht ta-Belġjum, il-Kummissjoni xorta baqgħet viċin il-kumpaniji l-kbar.

Skont l-istħarriġ, fl-ewwel sitt xhur tal-mandat tagħha, Malmström, membri tal-kabinet tagħha u d-direttur ġenerali ta’ DG Trade kellhom 122 laqgħat ta’ ‘lobbying’ dwar it-TTIP bil-bibien magħluqin – 100 minhom kienu ma’ setturi privati, 22 biss kienu laqgħat ma’ gruppi li jsostnu l-interessi taċ-ċittadini.

L-istħarriġ juri kemm il-missjoni tat-TTIP hija influwenzata minn kumpaniji tal-Ewropa tal-Punent u l-Istati Uniti, filwaqt li kumpaniji mill-Greċja, Portugall, Ċipru, Malta u tal-Ewropa ta’ Lvant ma għamlu l-ebda ‘lobbying’ fuq it-TTIP. Barra minnhekk, 1 minn kull 5 gruppi li ltaqgħu ma’ DG Trade ma humiex imniżżlin fir-reġistru li għandha l-UE biex ikun hemm trasparenza, fosthom hemm Maersk, Levi’s u AON, kif ukoll federazzjonijiet ta’ saħħa kbira bħal ma huwa l-ikbar ‘lobby group’ fil-bijoteknoloġija BIO u l-‘lobby group’ tal-farmaċewtika PhRMA.

Din l-informazzjoni tiġġustifika t-tħassib ta’ miljuni ta’ ċittadini dwar it-TTIP. Filwaqt li kumpaniji kbar qed ikollhom parti indiretta fin-negozjati u qed iħallu influwenza qawwija fuqhom, gruppi li jsostnu l-interessi tal-pubbliku qed jitħallew ’il bogħod. Ir-riżultat ta’ dan kollu iħalli dubju fuq l-istandards u d-drittijiet taċ-ċittadini u tal-ambjent filwaqt li żżid il-poter assolut li kumpaniji kbar qed ikollhom fil-politika kemm fl-UE u kemm fl-Istati Uniti.’ Qalet Corporate Europe Observatory.

Facebook Comments

Post a comment