M’aħniex differenti minn pajjiżi Ewropej oħra. Anki fostna l-faqar, relattiv jew assolut, żdied. Il-gvern qed jagħmel tajjeb meta jassigura li kullimkien, anki fl-inħawi mbiegħda, jitwassal il-gass biex jilqa’ għal problema relatata mal-faqar – dik ta’ nħawi bi djar fejn ir-residenti mhumiex isaħħnu djarhom tajjeb fix-xitwa.

Ilhom iseħħu żviluppi fejn għal ċerti saffi soċjali l-qagħda ekonomika titjieb sena wara l-oħra, waqt li saffi soċjali oħra jġarrbu tnaqqir kbir jew żgħir fil-qagħda materjali tagħhom. Kiber id-distakk bejn dawk li sejrin tajjeb u dawk li le. Żdied sew il-persentaġġ ta’ nies fil-faqar jew mhedda mill-faqar. Il-vulnerabbiltà tagħhom tkompli tiżdied minħabba li għalkemm saru aktar numerużi, naqset is-saħħa politika tagħhom.

Il-lingwaġġ politiku predominanti jiffoka fuq il-ħolqien ta’ “feelgood” –kif tkebbes sentimenti favorevoli dwar l-ambjent li tgħix fih. Xtered mal-Ewropa; ilu magħna minn żmien l-ewwel gvern ta’ Fenech Adami li daħħlu b’suċċess. Hu lingwaġġ mibni madwar il-kisbiet u l-aspirazzjonijiet ta’ dik il-parti tal-klassi tan-nofs li taqla’ flus tajba. Il-bżonnijiet tal-bqija, speċjalment tal-fqar, jara kif iċallashom u jisfumahom.

***

Kunsilli

Minn barra, l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali jagħtu d-dehra ta’ konkors tas-sbuħija organizzat madwar il-gvern tal-ġurnata. Dan biex jiddetermina jekk id-dehra tal-gvern krihetx jew sbiħetx f’għajnejn il-kotra mill-aħħar li ssejħet xi elezzjoni.

Imma meta tidħol mill-qrib f’elezzjoni lokali tinduna li hi aktar minn hekk. Hu minnu li ħafna elezzjonijiet lokali saru jduru madwar problemi ta’ tmexxija fit-toroq u fil-pjazez tagħna. Matulhom, kandidati u ċittadini jippruvaw jifhmu kif jistgħu jiġu ffaċċjati ċerti problemi “żgħar” għal min iħares lejhom minn barra u kbar għal min qed jgħixhom.

Kandidati ġodda u kunsilliera stabbiliti jidħlu f’kompetizzjoni bejniethom biex jaraw min se joħroġ bl-aħjar soluzzjoni. Sakemm il-kompetizzjoni tibqa’ waħda ċivili naħseb li tagħmel tajjeb.

Rajt dal-proċess iseħħ fl-aħħar jiem meta żort diversi nħawi fejn qed jinżammu l-elezzjonijiet lokali.

***

Referendum

Minn dejjem ħassejtni ma naqbilx mal-kunċett tar-referendum f’demokrazija parlamentari. Ara kieku tkun sistema bħal tal-Iżvizzera, li fundamentalment tippernja fuq konsultazzjoni regolari taċ-ċittadini u mhux fuq rappreżentanza parlamentari, forsi wieħed jista’ jargumenta mod ieħor. Dejjem jekk ikun hemm, bħal fl-Iżvizzera, sistema li biha jiġi żgurat li l-konsultazzjoni titwettaq bix-xieraq lejn kulħadd.

Ir-referendum organizzat dil-ġimgħa dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa għandu l-vizzji kollha ta’ “għażla” referendarja. Mhu xejn aħjar minn sforz ta’ maġġoranza “possibbli” biex timponi l-valuri tagħha fuq minoranza li tipprattika drawwiet u ssostni mġiba li, taħseb x’taħseb dwarhom, huma tradizzjonali u mhux faqqsu mil-lum għal għada. Ma jidhirlix li dan hu sew.

Facebook Comments

Post a comment