L-affarijiet mhumiex sejrin sew bejn il-gvern Amerikan taħt il-presidenza ta’ Donald Trump u l-mexxejja attwali tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea… jew talanqas l-ewlenin fosthom… il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit. Anzi hu korrett li tgħid li bejniethom issenslet kriżi bla preċedent.
Qamu wisq suġġetti ta’ importanza kbira li dwarhom mhux biss hemm nuqqas ta’ qbil, imma li fuqhom Trump qed jimxi b’mod li jwassal għal konfront… konfront li hu mhux qed jiddejjaq jagħfas fuqu, donnu bla ebda ħsieb biex jasal għal xi kompromess. Issa dawn huma pajjiżi li kif għedna, tul l-aħħar sebgħin sena qiesu lil xulxin bħala alleati “naturali”, bħala l-grupp tal-Punent li effettivament kien il-“mexxej” tad-dinja.
Il-problemi li tqanqlu jirrigwardaw l-aktar: il-ftehim internazzjonali ta’ Pariġi, dwar il-ħarsien kontra l-mod kif il-klima tad-dinja qed tisħon, li Trump ħareġ minnu; l-insistenza biex il-pajjiżi membri tan-NATO joħorġu bħala s-sehem tagħhom 2 fil-mija tal-baġit fuq difiża mhux iħallu ’l-Amerika ġġorr “waħidha” l-ispiża għad-difiża tal-Punent; iċ-ċaqliq tal-ambaxxata Amerikana fl-Iżrael lejn Ġerusalemm; l-apprezzament politiku tar-Russja u kif din għandha tiġi trattata; il-kundanna tal-ftehim dwar mezzi nukleari fl-Iran, li minnu l-Istati Uniti nħallu; u fuq kollox, it-taxxi ġodda fuq l-importazzjoni tal-aluminju u l-azzar li waħħal Trump, anke fuq prodotti Ewropej, biex skont hu, jipproteġi l-ħaddiema Amerikani minn kompetizzjoni inġusta.
Qatt qabel ma nqala’ diżgwid daqshekk kbir bejn l-alleati tal-Punent u qatt qabel ma kompla jitqanqal bil-qilla li Trump qed juża.

ALLEANZA
Trump mhuwiex l-ewwel president Amerikan li jisħaq l-ewwel u qabel kollox fuq l-interess Amerikan. Kien hemm żmien meta dan is-sentiment kebbes kurrent politiku qawwi fl-Amerika favur li l-pajjiż-kontinent ma jiddeffisx f’wisq relazzjonijiet mal-barranin imma “jiżola” ruħu għax aktar jaqbillu jagħmel hekk. Allura, l-Istati Uniti daħlu “tard” fiż-żewġ gwerer dinjin tas-seklu l-ieħor, għax kien hemm reżistenza politika kontra dil-ħaġa fost il-poplu Amerikan.
L-istess kurrent politiku ma mietx għal kollox minn dak iż-żmien lil hawn anke jekk wara t-Tieni Gwerra Dinjija l-Istati Uniti żviluppaw f’superpotenza li daħlet f’kull rokna tad-dinja. Bħala l-“kap” tal-punent – tad-dinja “ħielsa” – anke aġixxew ta’ pulizija tad-dinja f’rivalità sħiħa mal-Unjoni Sovjetika (dak iż-żmien). Numru kbir ta’ pajjiżi taw appoġġ f’hekk lill-Amerika u fittxew l-għajnuna tagħha. Imbagħad, kien hemm varjetà sħiħa ta’ pajjiżi u movimenti politiċi oħra li qiesu lill-Istati Uniti bħala potenza imperjalista li trid tiddommina d-dinja għall-aħjar interess tas-sidien u l-kumpaniji tagħha.
Il-pajjiżi Ewropej “tal-Punent” allinejaw ruħhom mal-Istati Uniti, permezz tal-ftehim imsejjaħ tal-Alleanza Atlantika. Minnu, nħolqot in-NATO, organizzazzjoni militari permanenti li fiha ħadu sehem l-armati tal-pajjiżi involuti, lesti għal operazzjonijiet ta’ gwerra fl-Ewropa u barra minnha, dejjem taħt tmexxija Amerikana. Dir-rabta baqgħet sal-lum fondamentali għal kif l-Ewropej waqt li waqqfu u żviluppaw l-Unjoni Ewropea, kienu jqisu s-sigurtà tagħhom u l-post li riedu jokkupaw fid-diplomazija dinjija.
Ma jfissirx li ma nqalgħux intoppi. Fi żmien il-Ġeneral de Gaulle, Franza kkontestat is-supremazija Amerikana. Saħansitra ħarġet min-NATO waqt li baqgħet membru tal-Alleanza Atlantika. Fi żmien il-Prim Ministru Thatcher, ir-Renju Unit invada l-gżejjer tal-Falklands, anke bi sfida għal x’riedu l-Amerikani. Kien ikun hemm kontroversji dwar kif u fejn l-Istati Uniti setgħu jpoġġu l-armamenti tagħhom fil-kontinent Ewropew. L-Istati Uniti ta’ spiss ilmentaw (kif qed jagħmel Trump illum) li qed ikollhom iġġorru wisq mil-piż finanzjarju tad-difiża “komuni”.

IL-POŻIZZJONI TA’ TRUMP

Biss ukoll, dak li baqa’ jqarreb lill-Amerikani u l-Ewropej kienu l-modi kif l-ekonomiji tagħhom huma organizzati. Fi sfond ta’ suq ħieles u “kompetittiv”, iż-żewġ naħat baqgħu jċekknu s-sehem tal-gvern fl-ekonomiji waqt li s-settur privat tqawwa. Kisbu riżultati impressjonanti ta’ tkabbir ekonomiku. Għall-bidu, il-kumpaniji Amerikani kienu l-aktar li żviluppaw il-ħidma tagħhom mad-dinja kollha. L-Ewropej maż-żmien għamlu l-istess. Il-globalizzazzjoni kompliet tagħtihom nifs qawwi. Il-gvernijiet rispettivi ma raw xejn ħażin f’dan, anzi nkoraġġewh.
Kien hemm kunsens biex ix-xkiel għall-kummerċ bejn il-pajjiżi jitneħħa ħalli jkompli jiżdied il-bejgħ u x-xiri. Dal-kunsens aktar issoda wara li waqgħet l-Unjoni Sovjetika. Anke fl-ispazju tagħha beda dieħel dal-kunsens favur is-suq ħieles. Sadattant, b’żieda mal-globalizzazzjoni, kienet għaddejja r-revoluzzjoni diġitali. Il-kompjuters, l-internet u l-mezzi tal-kumnikazzjoni saru aktar qawwija. Għamlu mid-dinja, raħal wieħed.
Għall-ewwel, deher li dawn l-iżviluppi se jibbenefikaw l-aktar lill-pajjiżi sinjuri tal-Punent. Imma malajr żoni oħra tad-dinja, bħaċ-Ċina u l-Indja, għamlu progress kbir fl-istess triq u bdew jikkompetulhom bil-kbir. Barra mir-riċessjonijiet li nqalgħu – hekk kif industriji tradizzjonali għalqu jew telqu jaħdmu f’postijiet imbiegħda tad-dinja li ħadd qabel ma kien sema’ bihom – saffi sħaħ tal-popolazzjonijiet fl-Amerika u fl-Ewropa ntlaqtu ħażin. U għadhom jintlaqtu ħażin. Komplew jintlaqtu aktar bl-immigrazzjoni li – parti mill-globalizzazzjoni għaddejja – telqet f’mewġiet kbar mill-Amerika Latina lejn l-Istati Uniti, u mill-Afrika u l-Asja lejn l-Ewropa.
L-iskuntentizza li rriżultat tat skop biex jitwieldu u jifirxu l-partiti u l-movimenti populisti … “estremisti”. Fir-realtà il-proposti tagħhom kienu msejsa fuq in-nazzjonaliżmu, il-ħtieġa li l-arloġġ jitreġġa’ lura u li jkun hemm bidla fil-mod kif ir-relazzjonijiet bejn il-ġnus jiġu ssettjati. Mil-lemin tal-politika Amerikana, il-proġett ta’ Trump kien jaqa’ f’dil-fasla. Partiti Ewropej hekk kienu żiedu sew fil-popolarità f’pajjiżi bħal Franza, l-Awstrija, id-Danimarka u l-Italja. Uħud spiċċaw daħlu fil-gvern bħala parti minn koalizzjonijiet. Imma waħdu, l-ebda wieħed minnhom ma rebaħ il-gvern. L-ewwel darba li dil-ħaġa ġrat kellha tkun fl-Istati Uniti, il-mutur tal-punent.

KAOS?

Bħala President eżekuttiv ta’ pajjiżu, Trump sab ruħu f’pożizzjoni fejn f’ċerti oqsma, seta’ jaġixxi aktar faċilment milli kieku kien xi Prim Ministru Ewropew, aktar u aktar meta tal-aħħar ikun qed imexxi xi koalizzjoni. U fil-fehmiet tiegħu, Trump aktar ħassu qrib mexxejja awtoritarji, nazzjonalisti jew tal-lemin “estrem” – anke bħal Putin fir-Russja u l-mexxej Pollakk Aleksander Kackzynzki…
Meta beda jwettaq fehmietu, il-konfużjoni fost l-“alleati” ewlenin tal-Amerika fil-Punent ma setgħetx tkun akbar. Sa issa, l-qofol ta’ dil-konfużjoni ntlaħaq fil-laqgħa li saret dax-xahar fil-Kanada bejn il-mexxejja tal-Punent.
Mhux biss Trump ikkonferma li f’isem l-interess Amerikan, se jwaħħal id-dazji fuq importazzjoni tal-aluminju u l-azzar mill-Ewropa (fost oħrajn) imma lest li jestendihom għal setturi industrijali oħra. Dawn id-deċiżjonijiet u oħrajn li diġà semmejna jattakkaw b’mod fondamentali l-bażi li fuqha mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn, il-pajjiżi tal-Punent fittxew li jorganiżżaw il-koperazzjoni ta’ bejniethom. Fin-nofs jidħlu l-interessi politiċi u ekonomiċi tagħhom fil-qafas ta’ dinja globalizzata, kif ukoll materji li jinvolvu is-sigurtà tagħhom. Per eżempju, jistgħu jibqgħu jafdaw lin-NATO bħala targa tas-sigurtà jew jaqblilhom, malajr kemm jista’ jkun, ifasslu politika ta’ difiża Ewropea?
Jekk għall-mistoqsija tingħata ċerta tweġiba, u mhux oħra, il-pedamenti li fuqhom inbniet is-sigurtà Ewropea sa issa jistgħu jinfaqgħu għal kollox. Imma hemm mistoqsija forsi aqwa minn hekk. Il-mexxejja Ewropej se jibqgħu f’posthom jew se jinbidlu minn politiċi ġodda li jkunu eqreb lejn dak li għall-Amerikani, qed jirrapreżenta Trump?
Minn kliemu u minn għemilu (kif ukoll dawk tas-segwaċi tiegħu… bħall-ambaxxatur li bagħat fil-Ġermanja) jidher li l-President Amerikan hekk qed jistenna li se jiġri… jew anke, dak li jrid li jiġri. L-alleati Ewropej tal-Istati Uniti jinsabu quddiem dilemmi li diffiċli tgħid kif tista’ tħollhom bla aktar għawġ.

Facebook Comments

Post a comment