Forsi jkun tajjeb li nuri kif jaħdem il-Parlament Ewropew billi nagħti rendikont tal-ħidma li kont imdaħħal fiha biex tgħaddi rizoluzzjoni minnu.
Fl-ewwel xhur ta’ kull sena, il-Parlament Ewropew irid japprova r-rapporti dwar l-ekonomija tal-pajjizi tal-Unjoni li jitħejjew mil-Kummissjoni Ewropea. Dan jifforma parti mill-programm li bih il-Kummissjoni tifli t-tmexxija ekonomika fil-pajjizi taz-zona ewro biex tara kemm tinsab konformi mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir li jirregola t-tmexxija taz-zona. Wara li l-Parlament itemm jiddiskuti l-konkluzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ministri jiddeċiedi dwarhom.
F’Diċembru tas-sena li għaddiet ir-rapporti tal-Kummissjoni, wieħed minnhom imsejjaħ l-Annual Growth Survey (Survey Annwali dwar it-Tkabbir), jew l-AGS, wasal quddiem il-Parlament. Tressaq quddiem il-kumitat ekonomiku u finanzjarju minn banda, u quddiem il-kumitat dwar l-impiegi mill-oħra. Iz-zewġ kumitati jaħtru membru tagħhom, ir-rapporteur biex ilesti rizoluzzjoni dwar id-dokument. Dan ikun deputat ta’ wieħed mill-gruppi politiċi rapprezentati fil-kumitat. Il-gruppi l-oħra imbagħad jaħtru membru tagħhom biex iservi bħala rapporteur imsejjaħ “dell” biex jikkordina mar-rapporteur ewlieni it-tħejjija ta’ dokument finali.
Il-kumitat ekonomiku u soċjali li tiegħu jien membru, ħatar deputat tal-partit tal-popolari bħala rapporteur għall-AGS; lili saqsewni biex noqgħod “dell” għas-soċjalisti u d-demokratiċi. Fil-kumitat tal-impjiegi ġara bil-maqlub: inħatar rapporteur soċjalista u d-“dellijiet” mill-gruppi l-oħra.

KOMPROMESSI

Ir-rapporteur tal-popolari Darius Rosati beda jħejji abbozz ta’ rizoluzzjoni u jitkellem mad-”dellijiet” fosthom jien biex naraw kif se naħdmu flimkien. Hawn stajt nara d-differenza kbira f’kif jaħdem il-Parlament Ewropew minn kif imdorrija naħdmu fil-Parlament Malti. Kulħadd jippreferi li kemm jista’ jkun jintlaħaq ftehim minn qabel fuq it-test li se jitressaq quddiem is-seduta plenarja sħiħa tal-Parlament Ewropew. Jew jekk mhux kulħadd, zgur il-gruppi tal-popolari, tas-soċjalisti u tal-liberali. Ma nistax ngħid li ħassejtni komdu b’din id-direzzjoni imma la tkun fi grupp, trid tagħmel mill-aħjar biex issegwi kemm tista’ l-linja politika tiegħu.
Issa problema kbira f’dak li kellna quddiemna hi li dwar it-tmexxija ekonomika fl-Ewropa daħlet firda qawwija bejn popolari u soċjalisti. Tal-ewwel baqgħu jinsistu fuq dak li jissejjaħ il-konsolidament fiskali, jew l-issikkar taċ-ċinturin fit-tmexxija tal-finanzi tal-gvern ħalli jiġu kkontrollati d-defiċits. Tat-tieni saru dejjem aktar kritiċi tal-issikkar taċ-ċintorin jew tal-awsterità kif saret tissejjaħ. Il-problemi li nqalgħu dan l-aħħar mal-Greċja u ma’ Franza komplew isaħħnu din il-kontroversja.

NOFSHA MIMLIJA, NOFSHA VOJTA

Fil-fatt, fl-ewwel abbozz li ressaq ir-rapporteur Rosati kien hemm emfazi qawwi fuq il-ħtieġa li tinzamm prudenza stretta fit-tmexxija tal-finanzi publiċi. L-abbozz ta merħba lill-isforzi li qed tmexxi l-Unjoni Ewropea f’das-sens u faħħar il-progress miksub. Issa jekk hemm xi ħaġa li jinsistu fuqha s-soċjalisti hi din: li l-issikkar taċ-ċinturin li nzamm fl-aħħar snin ma wassalx għal rizultati ekonomiċi tajba, anzi bil-maqlub, kif juru ċ-ċifri tal-qgħad fl-Ewropa.
Fl-ewwel laqgħa tal-kumitat ekonomiku u finanzjajru li nzammet biex tiddiskuti dan l-abbozz ma kontx waħdi li kkritikajt id-dokument peress li kien ottimistiku wisq. Semmejt kif il-kumitat jinsab maqsum fi tnejn dwar l-aħjar għazla ta’ strateġija ekonomika u li r-rizoluzzjoni finali trid b’xi mod tirrifletti din il-qasma. Imma allura kif se toħloq dokument ”komuni”?
Fil-ġranet ta’ wara, membri differenti mill-gruppi kollha tal-Parlament ressqu emendi għall-abbozz li laħħqu aktar minn mija u ħamsin. Bħala parti mix-xogħol tiegħi, jien ukoll ressaqt numru kbir ta’ emendi fejn daħħalt punti li jirriflettu l-ħsibijiet tas-soċjalisti – dwar l-impatti soċjali tal-mizuri li qed jittieħdu, dwar il-ħtieġa ta’ aktar investimenti biex jistimulaw il-ħidma ekonomika, u dwar il-ħtieġa ta’ flessibiltà fil-mod kif jiġu applikati r-regoli taz-zona ewro.
Ir-rapporteur issa kellu jara kif se jressaq dokument ta’ kompromess. Bagħtilna l-proposti tiegħu ftit wara l-ewwel tas-sena. Minn hemm tellaqna sensiela ta’ laqgħat bejnu u r-rapporteurs “dell” biex naraw jekk hemmx bazi ta’ qbil dwar dokument wieħed. Deher li t-tieni proposta tiegħu kien għad jonqosha ħafna biex in-naħa soċjalista tista’ taqbel magħha. Sadattant, mil-ewwel deher li ftit kien hemm ċans li se jinstab qbil li fih jidħlu il-grupp tax-xellug “estrem” jew dak tal-konservattivi.
Jien sħaqt li l-aħjar triq tkun li fejn hemm fatti li jaqbel fuqhom kulħadd, għandna nitilqu minnhom. Perezempju, kulħadd kien jaqbel fuq il-fatt li l-investimenti fl-Ewropa kienu naqsu bil-kbir u li hemm bzonn issir xi ħaġa biex jinstab rimedju għal hekk. Issa hawn min tazza jaraha nofsha mimlija, min nofsha vojta, imma dwar il-volum ta’ ilma ġo fiha jistgħu jaqblu. Dan fisser li meta jissemmew ir-raġunijiet għaliex qamet problema, u r-rimedji li bihom tista’ tinħall, kellhom jitqiesu kemm ir-rimedji ta’ naħa, u kemm ta’ oħra.
Saru diversi laqgħat ta’ “negozjati”. Fl-aħħar irnexxielna nsibu kompromess fuq firxa sew ta’ stqarrijiet li daħlu fit-test. Dan ma kienx se jogħġob lil kulħadd. Daħlu affarijiet li s-soltu tal-popolari ma kinux lesti jaċċettaw; u ssemmew materji li dwarhom is-soċjalisti juru riżerva. Biss wasalna għal test li fil-biċċa l-kbira tiegħu kien maqbul. Tela’ quddiem il-kumitat ekonomiku u finanzjarju u ttieħed vot fuqu, u fuq il-klawsoli li fuqhom ma konniex qbilna. Dwar fejn ma qbilniex, ħawwel min kellu l-voti billi għaddew l-emendi jew klawsoli tad-dokument li kellhom maġġoranza.

INKWIET

Fost ċerti deputati tas-soċjalisti qam inkwiet dwar id-dokument propost. Partijiet minnu ma nizlilhomx. Per eżempju kellna referenzi għall-ħtieġa ta’ “riformi strutturali” li jridu jsiru fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Għal ħafna dan ifisser tnaqqis fil-kondizzjonijiet soċjali, li ħadd ma jaqbel magħhom. Mentri r-riformi strutturali jmorru lil hinn sew minn hekk; jinkludu t-tneħħija tal-monopolji u tal-burokrazija fost oħrajn, li dwarhom kulħadd għandu jaqbel.
Uħud tħajru jdaħħlu emendi ġodda fid-dokument kif maqbul u vvotat fil-kumitat, biex iressquhom quddiem il-laqgħa sħiħa tal-Parlament.
Bl-istess mod, kien għaddej proċess simili fil-kumitat soċjali dwar l-impjiegi, fejn ir-rapporteur soċjalista rnexxielu jġib il-qbil tal-popolari ma’ ideat li s-soltu jippreferu jħallu fuq l-ixkaffa. Id-dokument li tlesta wkoll qajjem inkwiet fost deputati tal-popolari li riedu emendi fil-plenarja. Dawn kienu jnawrulu s-sens tiegħu.
B’hekk kienu se jisfrattaw iż-żewġ riżoluzzjonijiet billi ż-żewġ naħat jivvotaw biss favur dak li jogħġobhom.
Sar ħafna manuvrar sakemm ittiħedet id-deċiżjoni “ovvja”: ir-riżervi li qamu minn naħa u oħra twarrbu b’mod proċedurali u erġajna lura għall-kompromessi. Xorta waħda baqa’ deputati mhux kuntenti. Min-naħa tas-soċjalisti żewġ delegazzjonijiet nazzjonali jew ivvotaw kontra jew astjenew.
Iż-żewġ riżoluzzjonijiet għaddew mill-plenarji b’vot sostanzjali favur.

***

X’ħadt minn din l-esperjenza ta’ negozjar dwar dokument maqbul f’dik li tista’ tissejjaħ koalizzjoni bejn żewġ partiti li m’għandhomx l-istess indirizz politiku?
Għadni m’inix zgur mit-tweġiba. Kienet esperjenza ġdida għalija. Irrid nirrifletti sew fuqha.

Facebook Comments

Post a comment