Tassew għoġbitni l-aħbar li t-tħejjijiet għal riforma kbira fil-liġijiet ta’ Malta jinsabu fi stadju avvanzat. Nittama li ma tkunx ferħa bla temma. Se jkun hemm interessi vestiti kbar li jissieltu kontra l-bidliet f’dan il-qasam. Hu wieħed fejn ninsabu minn taħt nett fl-Ewropa. Biss uħud mill-aktar gwappi fostna biex jistqarru kemm huma Ewropej, ma kellhom l-ebda interess biex iġibuna qrib il-livelli Ewropej f’dal-qasam.

B’riżultat, il-proċdeuri legali f’Malta huma l-aktar oskuri, l-aktar għolja fil-prezz, l-itqal u l-anqas effettivi fil-pass. Tistaqsix il-mistqosija: cui bono? – għax l-interessi vestiti jduru kontra tiegħek.

Bħas-soltu, iż-żgħar iġorru, il-kbar imeximxu.

Riżultat ieħor hu li l-fiduċja fil-ġustizzja Maltija jibqa’ fjakk, mhux l-anqas fost l-investituri. Jekk hawn riforma strutturali essenzjali, hi din.

Owen Bonnici jistħoqqlu kull appoġġ fil-ħidma iebsa lejn riformi legali.

***

Vjolenza domestika

Mhux veru li n-nisa f’pajjiżna għandhom il-protezzjoni meħtieġa kontra l-vjolenza tal-irġiel. Għal ħafna minna, vjolenza ta’ dat-tip għadha “naturali”, “skużabbli”. Qisha l-qtil ta’ Carmen fl-opra tal-istess isem ta’ Bizet. Jew inkella hi t-tip ta’ problema li wieħed jippreferi jħares in-naħa l-oħra waqt li titwettaq biex ma jindunax biha.

Forsi tifhimha li ċittadin kwalunkwe jagħmel hekk. Ħadd ma jrid jidħol bejn il-basla u qoxritha.

Imma l-istat ma jistax jaġixxi b’dal-mod. Irid jitgħammar bil-makkinarju operazzjonali, bl-uffiċjali u bil-liġijiet li tassew jipproteġu lin-nisa mill-vjolenza domestika u minn kull vjolenza oħra.

***

Il-GUG

Ili nsegwi l-ħidmiet tal-għaqda studenti universitarji Għawdxin, il-GUG. Baqgħet sejra minn “ġenerazzjoni” għall-oħra, kif għandu jkun meta l-mira tkun waħda importanti.

Żort il-wirja li tellgħu l-GUG tal-lum fil-kampus tal-Università; kienu żgħażagħ “ġodda” imma mnebbħa mill-istess ideat siewja bħal ta’ qabilhom.

Ħadt gost mhux biss nara x’kienu qed iwettqu bħala proġetti, imma wkoll niddiskuti magħhom dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw.

***

Kantilena

Il-ħabib tiegħi Frans Sammut kien iżommni s-sigħat jiddiskuti t-teoriji tiegħu dwar kif il-Kantilena ta’ Caxaro kienet parti mit-tradizzjoni kulturali u letterarja Arabo-Spanjola li baqgħet qawwija f’Malta tal-Medju Evu. L-argumenti tiegħu kienu affaxxinanti u r-referenzi li jtella’ impressjonanti għalkemm milli jidher, l-ipoteżijiet li ressaq tqiesu bħala thewdin.

Issa sirt naf li għaddejja inizjattiva akkademika li tibni fuq l-ideat li kien ifisser u anki tuża, jekk jogħġbok, l-istess sorsi tiegħu, mingħajr ma ismu biss jissemma! U dan anke mingħajr ma dawn is-sorsi ngħataw l-iċken turija li Frans kien ilu li telaq f’din it-triq.

Forsi fid-dinja akkademika tal-lum, metodi hekk ma jitqisux bħala plaġjat. Xorta jistħoqqilhom kull stmerrija.

Facebook Comments

Post a comment