Bank Ġermaniż qed jgħid li s-superviżjoni diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew se żżidlu l-ispejjeż tal-operat. Il-Bank reġjonali Landeskreditbank Bade-Württemberg għamel appell fil-Qorti Ġenerali Ewropea biex titħassar il-leġiżlazzjoni li tgħid li jrid ikollu superviżjoni diretta mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Dan il-bank qed jisħaq fuq l-ispejjeż żejda u l-piż amministrattiv minħabba li s-sorveljanza tiegħu trid tgħaddi mill-Ġermanja għal-livell ewropew. Qed jargumenta li l-mudell kummerċjali tiegħu huwa sempliċi u li s-superviżjoni diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew għandha tkun diretta lejn dawk il-banek li huma kbar u kumplessi.
Regolamenti ġodda tal-UE jgħidu li l-banek li għandhom total ta’ assi li jaqbeż it-€30 biljun iridu jkunu sorveljati mill-Bank Ċentrali Ewropew. Dan il-bank Ġermaniż kellu assi ta’ aktar minn €70 biljun fl-2013 u huwa wieħed minn 21 bank li ġew milquta minn dan ir-regolament. Waqt li kienet qed tiġi mfassla din il-liġi, il-Ġermanja argumentat li banek differenti għandhom ikunu sorveljati b’mod differenti. Dan biex banek żgħar jibqgħu sorveljati mill-Ġermanja stess.

Facebook Comments

Post a comment