Kumitat ta’ 5 esperti kkummissjonati mill-Gvern Ġermaniż qalu li, bħala soluzzjoni aħħarija, pajjiż taż-żona ewro għandu joħroġ miż-żona ewro jekk ma jkunx jista’ jħallas lura d-dejn tiegħu.

Pajjiż li kontinwament ma jikkooperax ma għandux ikollu ċ-ċans li jhedded l-eżistenza taż-żona ewro’ qal il-Kunsill Ġermaniż ta’ esperti, f’rapport dwar it-tmexxija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-ġurnal ‘El Paìs’ ikkwota lil Christoph Schmidt, li mexxa r-rapport, jgħid li huwa ovvju li l-elettorati tal-pajjiżi li sellfu l-flus ma jkunux inklinati li jibqgħu jagħtu l-flus lill-pajjiżi midjuna għal żmien ‘indefinit’.

Din il-pożizzjoni taqbel mal-pożizzjoni tal-ministru tal-finanzi Ġermaniż Wolfgang Schauble, li ħareġ bl-idea li l-Greċja tħalli ż-żona ewro b’mod temporanju, lejn l-aħħar tad-diskussjonijiet bejn Ateni u l-kredituri tagħha. Din is-soluzzjoni ma ttiħditx u ħadd ma kien kapaċi jikkalkula l-konsegwenzi politiċi u ekonomiċi għall-Greċja u għaż-żona ewro kieku sar dan.

Is-Segretarju tal-Istat Ġermaniż għall-Ekonomija, Rainer Sontowski, qal li l-5 esperti ‘mhux qed jikkalkulaw biżżejjed ir-rieda politika għall-Ewropa Magħquda’. Hu qal li l-awtoritajiet Ġermaniżi qed jirriflettu ‘b’mod attiv fuq miżuri addizzjonali.’

Il-5 esperti Ġermaniżi qed jaħdmu biex isibu mezz kif il-kredituri jaqtgħu t-telf li jġarrbu meta jfalli pajjiż fiż-żona ewro. S’issa l-ebda stat ma tkellem fuq din l-eventwalita`.

L-esperti tefgħu dubju dwar l-ideat li stati bħal Franza u l-Italja kellhom biex tkun żviluppata l-Unjoni Monetarja Ewropea b’miżuri li jinkludu baġit speċifiku għaż-żona ewro. L-esperti qalu li m’hemmx l-appoġġ tal-pubbliku ġenerali għal miżura bħal din.

Facebook Comments

Post a comment