Il-proċess li qed jagħmel il-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jkollu effetti sekondarji anqas pjaċevoli. Hekk ammetta l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi meta kien qed jitkellem fuq il-‘quantitative easing’ li beda f’Marzu li għadda u li permezz tiegħu l-Bank Ċentrali Ewropew qed jixtri l-bonds tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri fl-UE.

Minn Marzu ’l hawn il-Bank Ċentrali Ewropew xtara aktar minn 108 biljun ewro ekwivalenti ta’ dejn pubbliku. Dan il-proġett li permezz tiegħu se jinxtraw 60 biljun ewro kull xahar ta’ dejn pubbliku, se jibqa’ għaddej sa Settembru tal-2016 jew sakemm l-inflazzjoni tkun viċin it-2%. F’Jannar li għadda l-inflazzjoni ġiet reġistrata -0.6%. Issa bdiet tirpilja u skont l-aħħar statistiċi l-inflazzjoni tinsab 0.0%.

Mario Draghi, waqt li kien qed jitkellem fil-Kwartieri tal-IMF f’Washington, qal li għalkemm is-sistema qed tkun effettiva, dan ma għandux jagħmina għall-effetti negattivi li jistgħu jinħolqu jekk din is-sistema tibqa’ għaddejja għal tul ta’ żmien.

Il-kritika li saret kienet li sistema bħal din tista’ taffettwa l-ekonomija b’tali mod li jkun hemm impatt negattiv fuq l-istabilita` finanzjarja. Mario Draghi qal li din il-kritika hija loġika u li perijodu twil b’rata ta’ interessi baxxa tista’ twassal għal żbilanċ.

Facebook Comments

Post a comment