Meta jonqos ftit sigħat oħra għar-Referendum fil-Greċja, politiċi miż-żona ewro qed joħorġu twissijiet lill-Greċja, uħud minnhom iħallu bieba mbexxqa f’każ fi l-poplu jivvota favur ir-riformi li qed jiġu proposti.

Il-President tal-Eurogroup, Jeroen Dijsselbloem, qal li vot ‘Le’ idgħajjef il-pożizzjoni tal-Greċja waqt in-negozjati u tagħmilha aktar diffiċli biex tinsab soluzzjoni. Il-President Franċiż, François Hollande qal li vot ‘Iva’ jgħin tinsab soluzzjoni malajr għal pakkett finanzjarju lill-Greċja.

Christine Lagarde, Direttur Ġenerali tal-Fond Monetarju Internazzjonali qalet li ‘preferibilment ikun hemm qbil lejn ir-riformi li jridu jsiru fil-Greċja’ qabel ikun hemm pjan għad-dejn li għandha l-Greċja.

Il-Prim Ministru Belġjan, Charles Michel qal li ‘ċ-ċittadini Ewropej li ħarġu €321 biljun lill-Greċja għandhom dritt jitolbu għal riformi fil-Greċja.’

Margaritis Schinas, f’isem il-Kummissjoni Ewropea, qalet li issa hu ż-żmien li l-Griegi jagħżlu l-futur tagħhom. Rapporti mhux ikkonfermati jgħidu li ‘waqt laqgħa bil-bibien magħluqa bejn Jean Claude Juncker u l-grupp tal-Popolari Ewropej intqal li ma waslux għal €60 miljun u kien hawn li n-negozjaturi Griegi telqu mil-laqgħa.’ Schinas qalet li l-ftehim irid jintlaħaq dwar ir-riformi li qed tesiġi l-KE u l-kapaċita’ tal-Griegi li jimplimentaw dawn ir-riformi.

Il-Ministru Grieg tal-Finanzni Yanis Varousfakis huwa kunfidenti li l-maġġoranza tal-Griegi jivvutaw ‘Le’. Varousfakis qal li xorta jirrispetta r-Referendum jekk il-maġġoranza jivvutaw ‘Iva’. Ħafna jaħsbu li jekk il-Griegi jivvotaw ‘Iva’, Vrousfakis ma jibqax Ministru tal-Finanzi. Nikols Pappas, l-id il-leminija tal-Prim Ministru Tsipras qal li jiġri x’jiġri u jkun hemm riżultat ċar, is-sistema bankarja Griega tkun waħda normali.

Antonis Samaras, il-predeċessur ta’ Tsipras, illum Kap tal-Partit Demokrazija Ġdida qal li Tsiprax qed jagħmel ħiltu biex joħroġ lill-Greċja miż-żona ewro. ‘Ritorn għad-Drachma tkun l-agħar għażla, tkun id-daqqa tal-mewt għall-ekonomija Griega’, qal Samaras.

Varoufakis qal li r-ritorn għad-drachma huwa impossibbli ‘anke minħabba l-fatt li l-istamperiji tal-flus fil-Greċja kollha ġew meqruda’.

Il-Ministru Franċiz tal-Ekonomija Michel Sapin qal li ‘l-għażla li l-Greċja titlaq miż-żona ewro la hija mixtieqa u lanqas antiċipata’.

Id-drama tal-Greċja żgur li tkompli wara r-Referendum ta’ nhar il-Ħadd.

Facebook Comments

Post a comment