Fl-2015, l-akbar sfida tal-Unjoni Ewropea se tkun dik li toħloq impjiegi u investiment. ‘Jista’ jseħħ dan?

U jekk jista’ jseħħ, kif meta?’ staqsa Alfred Sant meta kien qed jindirizza Konferenza tas-Soċjal Demokratiċi fil-Parlament Ewropew bit-tema ‘Malta fl-Ewropa – Fejn qegħdin – fejn sejrin?’ L-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta jiddependi ħafna fuq l-andament tal-ekonomiji tal-pajjiżi tal-UE, minkejja li l-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta huwa bil-wisq akbar minn dak ta’ pajjiżi oħra tal-UE. Huwa fl-interess ta’ Malta li l-Unjoni Ewropea tirbaħ l-isfida tagħha li toħloq impjiegi u investiment ġdid
L-ekonomija taż-żona Ewro ilha staġnata minn qabel ir-riċessjoni globali tal-2008, minkejja li qabel kienet magna ta’ żvilupp ekonomiku. Fiż-żona Ewro, b’mod speċjali, il-gvernijiet qed jaqtgħu l-ispejjeż biex jaqtgħu d-defiċit. Din il-politika ta’ awsterita` aktar xekklet il-proċessi ta’ żvilupp. Minflok żdied l-investiment, ġara bil-maqlub.
‘Dawk li bħall-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel jemmnu li l-kontroll tad-defiċit huwa ċ-ċavetta għall-prosperita` tal-futur, xorta qed jinsistu li jrid jinżamm bilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ fil-budgets tal-gvern. Dawk li jemmnu li l-gvernijiet għandhom jinvestu, qabel jistennew lis-settur privat jinvesti aktar, jgħidu li hija prijorita` tal-gvernijiet li jinvestu aktar. Jekk ma tinstabx soluzzjoni għal dan, l-Ewropa se tkun affettwata b’mod negattiv għal ħafna snin oħra.’ Wissa Alfred Sant.
Kelliema oħra fil-Konferenza kienu Aleks Farrugia li tkellem dwar ‘L-isfidi tal-Unjoni Ewropea’ u Robert Micallef li tkellem dwar ‘Il-kontribut ta’ Malta fl-UE u vice-versa’.

Facebook Comments

Post a comment