L-ewroparlamentari Malti Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu li l-Ewropa għandha obbligazzjoni morali li b’mod urġenti tindirizza t-theddida għad-demokrazija fit-Tuneżija. Dr. Sant li kien qed jindirizza d-dibattitu ‘Appoġġ tal-UE Għat-Tuneżija’ qal li dan jista’ jsir bi programm speċjali, finanzjat mill-Unjoni Ewropea biex jgħin lit-Tuneżija tagħmel tajjeb għall-konsegwenzi ekonomiċi negattivi li qed toħloqilha t-theddida terroristika u b’hekk tkun tista’ ssostni l-impjiegi, l-investiment u t-tkabbir ekonomiku. Dr. Sant enfasizza li d-destabilizzar tad-demokrazija fit-Tuneżija huwa kontra l-interessi vitali tal-Ewropa.

Dr. Sant qal li l-instabbilita` fl-Afrika ta’ Fuq żdiedet bl-isforzi tal-pajjiżi Ewropej li jibdlu t-tmexxija tal-pajjiżi t’hemmhekk mingħajr ma kien hemm ‘road map’ għall-futur. Il-konfużjoni li kien hemm wara l-bidliet fit-tmexxija fl-Afrika ta’ Fuq żiedet l-estremiżmu radikali u żiedet ukoll it-theddida għas-sigurta`, kemm ġewwa u kemm barra l-Afrika ta’ Fuq. Minkejja dan, qal Dr. Sant, it-Tuneżija żammet il-bilanċ demokratiku tagħha li għamilha mudell uniku f’din iż-żona tal-Mediterran. Din is-sitwazzjoni għamlet lit-Tuneżija mira ewlenija għat-terroristi, kif rajna riċentement fil-vjolenza atroċi fuq il-bajjiet tat-Tuneżija. Il-fraġilita` fit-Tuneżija hija kkawżata min-nuqqas ta’ impjiegi, investiment u tkabbir ekonomiku. Preċiżament huwa għalhekk li t-terroristi qed jippruvaw jidistabilizzaw it-Tuneżija biex jattakkaw din il-fraġilita` u joħolqu aktar qgħad, ibegħdu l-investiment u jimminaw l-ekonomija Tuneżina.

Facebook Comments

Post a comment