L-Olanda għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea minn Jannar sat-30 ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Il-Presidenza Olandiża se tiffoka fuq erba’ oqsma ewlenin: l-immigrazzjoni u s-sigurta` internazzjonali; finanzi sodi u żona tal-ewro robusta; il-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa b’politika innovattiva; u politika li tħares ’il quddiem fil-klima u fl-enerġija.

Fil-Parlament Ewropew il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte enfasizza li l-Ewropa għandha tkun rilevanti għaż-żgħażagħ, għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej. ‘Fix-xhur li ġejjin, l-Olanda trid li mill-kliem ngħaddu għall-fatti. Il-prijorita’ se tkun l-immigrazzjoni u l-ftehim mat-Turkija li għandu jitwettaq malajr kemm jista’ jkun. Dan inaqqas il-pressjoni minn fuq il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.’

Rutte semma l-bżonn li jkun hemm arranġamenti għar-refuġjati li jaslu fl-Ewropa. Tkellem dwar il-fruntieri ma’ pajjiżi oħra, l-aktar dawk mal-Greċja, biex ikunu organizzati aħjar il-‘hot spots’ u jiġu reġistrati r-refuġjati. ‘Il-ħin kontra tagħna’, irridu ngħaġġlu fis-sitt, tmien ġimgħat li ġejjin.’ qal Rutte

Fil-Parlament Ewropew kien hemm qbil li l-kriżi tal-immigrazzjoni hija prijorita` ewlenija tal-Presidenza Olandiża. Kważi l-Kapijiet tal-Gruppi Politiċi kollha tkellmu f’dan is-sens.

Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin irridu naraw kemm se jitwettaq dan l-impenn waqt li l-Ewropa tkompli tiffaċċja r-realtajiet tal-immigrazzjoni; tal-biża’ tat-terroriżmu; tad-dissens fost stati membri tagħha; tal-isforzi biex l-ekonomija fiż-żona Ewro tirpilja u l-ħtieġa li jinħolqu miljuni ta’ impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema.

Facebook Comments

Post a comment