Ir-rata ta’ nies jaħdmu fil-pajjiżi tal-UE żdiedet b’mod ċkejken ħafna f’dawn l-aħħar sentejn. Il-Kummissjoni stqarret li qed ikun diffiċli biex tintlaħaq ir-rata ta’ impjiegi li l-Unjoni kellha qabel ma faqqgħet il-kriżi finanzjarja tal-2008.

Lejn l-aħħar tal-2014 ir-rata ta’ impjiegi żdiedet, speċjalment f’dawk il-pajjiżi li għandhom rata ta’ qgħad għolja ħafna bħal Greċja (+1.7%), Spanja (+0.3%) u l-Portugall (+1.4%). Iż-żieda fl-impjiegi żdiedet b’0.9% imma xorta kienet 1.8% aktar baxxa meta mqabbla mal-istess perijodu tal-2008.
Il-Kummissarju Marianne Thyssen qalet li huwa pożittiv li r-rata ta’ dawk li jaħdmu qed tiżdied, imma xorta jibqa’ l-fatt li din ir-rata qed tiżdied bil-mod ħafna.
L-akbar sfidi jibqgħu dawk li ilhom żmien twil mingħajr impjieg, l-opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena u għall-adulti ta’ bejn il-25 u 39 sena. Fl-Unjoni Ewropea 12.4 miljun ruħ ( 5.1% ta’ dawk li jaħdmu) kienu ilhom bla xogħol għal aktar minn sena. L-akbar ċifri ta’ nies bla xogħol jinsabu f’Ċipru u fil-Greċja.

Facebook Comments

Post a comment