L-attivitajiet ekonomiċi f’reġjuni periferali fil-pajjiżi tal-UE – gżejjer, kosta jew muntanji – jeħtieġu sussidju tal-istat biex jibqgħu joperaw, jekk irridu nsalvawhom. Alfred Sant qal li l-Kummissjoni Ewropea għandha tfassal mill-ġdid b’mod drastiku id-deċiżjonijiet kummerċjali u ekonomiċi dwar ir-regoli tal-għajnuna tal-istat. L-UE mhix tagħraf li s-suq Ewropew huwa maqsum f’bosta oqsma. Mhix taċċetta li l-investiment tal-istat jista’ jkun għodda valida f’reġjuni periferali biex tinħoloq attivita` ekonomika ġdida u jkunu sostnuti attivitajiet ekonomiċi antiki jew dawk li jkunu f’diffikultajiet.
Dr. Sant qal li l-proċeduri li bihom il-Kummissjoni Ewopea tikkontrolla s-sussidji tal-istat lil kumpaniji kummerċjali ma jistgħux jitħaddmu fi gżejjer żgħar jew reġjuni imbiegħda bl-istess mod kif jitħaddmu f’ekonomiji tal-pajjiżi l-kbar tal-Unjoni Ewropea. F’Unjoni Ewropea li għandha tiddefendi ċ-ċittadini tagħha, m’għandux ikun hemm regoli li jagħmlu ġustizzja mal-intrapriżi l-kbar u mbagħad jiddiskriminaw mal-intrapriżi żgħar u tradizzjonali.
Id-deċiżjonijiet qed jittieħdu bis-sistema ta’ ‘one size fits all’, fejn politika li tkun taqbel għall-ekonomiji l-kbar qed tkun addattata bilfors mill-gżejjer żgħar tal-UE li joperaw f’ċirkostanzi differenti. Kumpaniji tradizzjonali li joperaw fuq skala żgħira mhux jingħataw in-nifs meħtieġ biex jipproteġu l-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Alfred Sant qal li attivitajiet marġinali li joħolqu investiment u attivita` kummerċjali f’ekonomiji periferali li jammontaw għal persentaġġ minimu tas-suq wieħed għandhom ikunu eżentati mill-kriterji eżistenti ta’ ‘State Aid’.

Tista’ ssegwi l-intervent ta’ Dr. Sant fuq din il-link

Facebook Comments

Post a comment