Għadd ta’ organizzazzjonijiet u produtturi agrikoli jixtiequ li l-Kummissjoni Ewropea tgħaddi tmien varjetajiet ta’ frott u ħxejjex magħmulin fil-laboratorju biex jibdew jinbigħu fis-suq ewropew. Jekk ikunu awtorizzati dawn se jintużaw għall-importazzjoni u għall-ipproċessar, għal konsum uman u dak tal-bhejjem. Dawn il-produtturi u organizzazzjonijiet kienu qed jittamaw li l-awtorizzazzjoni tingħatalhom mill-President tal-Kummissjoni Manuel Barroso qabel ma jispiċċalu t-terminu ta’ President. Dan ma seħħx u issa l-President il-ġdid Jean-Claude Juncker jidher li mhux daqshekk favur l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati.

It-tmien varjetajiet huma fost oħrajn tal-qamħirrun, qoton, rape seed u sojja. Il-pjanta tas-sojja hija kkultivata għaż-żejt tagħha u minnha tista’ wkoll tagħmel dqiq. Dawn il-prodotti ġodda nħolqu fil-laboratorju minn kumpanija jisimha Monsanto. Kollha ġew approvati mill-Awtorità Ewropea għas-sigurtà tal-ikel. L-organizzazzjonijiet agrikoli qed isostnu li jekk l-Unjoni Ewropea ma tawtorizzax dawn it-tmien OĠM, il-provvisti tal-ikel u tal-għalf tal-annimali, ma jlaħħqux mad-domanda.

Facebook Comments

Post a comment