Mario Draghi, President tal-Bank Ċentrali Ewropew, qal li r-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea, hija soċjalment inaċċettabli. Draghi kien qed iwieġeb intervent tal-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant waqt il-Kumitat Monetarju tal-Parlament Ewropew fi Brussell li staqsa wasalx iż-żmien għal rivalutazzjoni strateġika tal-għażliet li jinsabu quddiemna dwar l-iżvilupp futur taż-żona tal-ewro, mhux l-anqas minħabba l-fatt li b’mod konsistenti ir-riżultati ekonomiċi li qed tikseb baqgħu taħt dawk miksuba minn żoni monetarji oħra. Sant staqsa jekk f’perspettiva strateġika, dawn il-kontradizzjonijiet għandhomx jibqgħu jiġu ttollerati għal ħafna aktar żmien għax sa issa, ħafna mill-għażliet ta’ politika li ttieħdu ma tantx kienu aħjar minn lipazzar.

Draghi qal li wieħed irid jara jekk l-ekonomija fl-Ewropa hux veru ma kibritx minħabba l-Ewro. ‘Jekk inħarsu lejn l-aħħar kwart tal-istatiska tal-GDP, naraw li erbatax-il pajjiż kellhom tkabbir pożittiv, għal uħud bejn 2% u 4% fis-sena. Għandna żewġ pajjiżi f’riċessjoni u żewġ pajjiżi, jekk mhux sejjer żbaljat għandhom ekonomija staġnata.’
Sant qal li Draghi mexxa l-argument li hi ħaġa urġenti li l-istituzzjonijiet monetarji taż-żona ewro jitqawwew, mhux l-anqas permezz ta’ tisħiħ mill-qiegħ tal-unjoni ekonomika u monetarja. Dan ikun ifisser li l-istrutturi politiċi transnazzjonali taż-żona ewro jiksbu sura federali. ‘Dan jikkontradixxi stat ta’ fatt paradossali: waqt li l-popli tal-Ewropa huma favur l-ewro, ma jaqblux ma’ Ewropa federali.’ Sadattant, id-diverġenzi ekonomiċi fi ħdan pajjiżi u reġjuni baqgħu jiżdiedu, mhux jonqsu. It-tisħiħ tal-unjoni monetarja u ekonomika f’ċirkostanzi hekk, x’aktarx iżid id-diverġenzi, qal Alfred Sant.
Sant qal li Draghi, minkejja li m’għandu l-ebda responsabbiltajiet politiiċi ta’ persuna eletta, la fuq bażi nazzjonali u lanqas Ewropea, jieħu deċiżjonijiet b’konsegwenzi politiċi kbar u li għamel stqarrijiet li jġorru importanza politika qawwija. ‘Ġara wkoll li politiċi f’karigi deċiżjonali stennew li jisimgħu l-kelma tiegħek meta jkunu jridu xi bidla fit-tmexxija taż-żona ewro. Int tmexxi bank ċentrali li mqabbel ma’ istituzzjonijiet bħalu mad-dinja, għandu poteri limitati, u b’hekk biex tilqa’ għal problemi li jkunu qed jikbru, kellek tistrieħ fuq stqarrijiet dwar x’lest tagħmel, liema stqarrijiet jeċċedu – skont uħud – il-poteri tiegħek. F’dan irnexxielek tasal imma maż-żmien anqas u anqas.’
Ara il-kummenti ta’ Alfred Sant u r-reazzjoni ta’ Mario Draghi fuq din il-link https://www.youtube.com/watch?v=m8NjAE2fzzo

Facebook Comments

Post a comment