Mijiet ta’ nies attendew għal seminar dwar il-futur soċjali Ewropew fil-Montekristo Estates. L-Ewroparlamenti Malti Alfred Sant, il-kelliem ewlieni fis-seminar, qal li l-isfida preżenti tal-Ewropa hija li tirriforma l-mudell soċjali tagħha billi timmodernizza l-istrutturi tagħha u mhux iddgħajjifhom fl-isfond tal-bidliet soċjali u ekonomiċi li qed iseħħu. Dan l-isforz jaqbel li jkun ikkoordinat mill-pajjiżi individwali, li għandhom jiżguraw is-sehem tas-soċjeta` ċivili u mhux b’mod ċentralizzat minn Brussell. L-Unjoni Ewropea ma taffordjax li tinfirex il-perċezzjoni li l-mudell soċjali tagħha se jkun żmantellat. Jekk tinfirex din il-perċezzjoni, ikun imhedded is-‘soft power’ tal-UE, il-poter li tgawdi l-UE, poter hekk imsejjaħ artab li ma jiddependix minn kemm għandek armi u suldati.

Dr. Sant qal li matul is-snin, il-UE irnexxielha tibni ‘soft power’ enormi. Dan seħħ għaliex ħafna nies sabu li l-mudell Ewropew kien attraenti – mudell ibbażat fuq id-demokrazija u fuq id-drittijiet tal-bniedem garantiti mill-osservanza tal-liġi, mill-prosperita` ekonomika u mis-sistema soċjali. Fis-snin riċenti, qal Dr. Sant, l-UE ma rnexxielhiex tilqa’ għall-isfidi tal-globalizzazzjoni. Speċjalment mis-sena 2008, l-attivita` ekonomika fiż-żona ewro staġnat u l-mudell soċjali Ewropew qed ikun mhedded.

Dr. Mario Vella, li indirizza wkoll il-Konferenza, qal li l-futur tal-mudell soċjali Ewropew jiddependi mill-attivita` ekonomika fiż-żona ewro. Dr. Vella tkellem dwar is-sostenibilita` ekonomika, soċjali u politika tal-mudell soċjali Ewropew.

Facebook Comments

Post a comment