Il-kompetizzjoni fit-tassazzjoni għandha tibqa’ responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali tal-membri stati tal-Unjoni Ewropea. Jekk l-UE tnaqqas il-flessibilità fil-politika tat-tassazzjoni tkompli tagħmel ħsara akbar lill-ekonomiji ż-żgħar tal-UE li diġà għandhom żvantaġġi inġusti. Alfred Sant qal dan fil-Parlament meta vvota kontra rapport li jippromwovi l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni fost l-istati kollha membri tal-UE. Dr Sant kien diġà vvota kontra l-ewwel rapport TAXE 1, reġa’ vvota kontra r-rapport finali magħruf bħala TAXE 2. Ir-rapport, imressaq mir-‘rapporteurs’ Michael Theurer (ALDE) u Jeppe Kofod (S&D) ġie approvat  b’514 vot favur,  68 vot kontra u 125 astensjoni.

Ir-rapport jagħmel rakkomandazzjonijiet għal aktar trasparenza fit-tassazzjoni fl-istati membri tal-UE. “Naqbel ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u nappoġġja l-miżuri tat-trasparenza fil-politika nazzjonali tat-tassazzjoni. Iżda dan ir-rapport jipproponi miżuri li fuq livell wiesa’ jintroduċi konverġenza u armonizzazzjoni tat-taxxi fl-istati membri kollha tal-UE”.

Dr Sant qal li dan imur kontra l-interessi tal-ekonomiji ż-żgħar tal-UE li m’għandhomx id-doti tal-ekonomiji l-kbar. “Il-flessibilità fit-tmexxija tal-ekonomiji ż-żgħar diġà hija ristretta bil-konverġenza tar-rati tal-VAT, bir-regoli tal-għajnuna tal-istat, il-munita waħda u r-regoli li jorbtu l-budgets tal-pajjiżi membri. Dawn wasslu biex jiżdiedu, mhux jisparixxu, id-diverġenzi bejn parti u oħra tal-UE. Jekk innaqqsu l-flessibilità tal-ekonomiji ż-żgħar tkompli tiżdied din id-disparità li diġà teżisti. Dan mhux ġust u mhux aċċettabbli. Dan ir-rapport ma jagħtix definizzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni. Ir-rapport huwa inklinat lejn sistema armonizzata ta’ tassazzjoni fl-istati membri kollha tal-UE. Huwa għalhekk li vvotajt kontra ż-żewġ rapporti li tressqu”

Dr Sant qal li l-kompetizzjoni fit-taxxa għandha tibqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-ekonomiji nazzjonali.

Facebook Comments

Post a comment