In-nies f’pajjiżi differenti jilqgħu lil xulxin b’mod differenti meta jiltaqgħu. Anki fil-bews tidħol il-kultura. Huwa normali li n-nies jilqgħu lil xulxin b’xi bewsa fuq il-ħaddejn. L-Ingliżi aktarx jagħtu bewsa waħda, għalkemm dieħla d-drawwa li jagħtu t-tieni bewsa wkoll. L-Amerikani u l-Kanadiżi jippreferu jħallu l-bews barra għal kollox u jieħdu b’idejn xulxin.
Fl-Olanda u l-Belġju normalment jagħtu tliet bewsiet.
L-anqas temmen kemm l-affarijiet jikkumplikaw ruħhom fi Franza. Dan għaliex in-numru ta’ bews li jagħtu meta jilqgħu lil xulxin ivarja skont ir-reġjun li jgħixu fih. In-numru ta’ bews ivarja minn waħda għall-erba’ bewsiet.
Jekk qed taħseb li erba’ bewsiet huma ħafna, aħjar ma żżurx il-gżira ta’ Korsika. Jidher li hemm parti mill-popolazzjoni li għalihom normali li jagħtu ħames bewsiet meta jiltaqgħu. Immaġina, jekk xi darba tkun mistieden għal xi festin f’Ajaccio, tista’ tgħid li aktar tagħmel ħin tbewwes lin-nies milli tiekol u tgħid kelma.

Facebook Comments

Post a comment