Boston Consulting Group ippubblikat il-lista ta’ l-iktar 50 kumpaniji madwar id-dinja li huma innovattivi. Mill-pajjiżi kollha ewropej, il-Ġermanja biss għandha żewġ kumpaniji li rnexxielhom jidħlu fl-ewwel 20 post ta’ din il-lista. Dawn huma s-Siemens fil-15-il post u l-BMW fit-18-il post.

Il-Kumpanija Apple ġiet fl-ewwel post. Is-settur tal-hi-tech huwa l-iktar settur li sejjer tajjeb. Filfatt sebgħa mill-ewwel għaxar kumpanija li huma l-iktar innovattivi fid-dinja huma kollha fis-settur tal-hi-tech. Is-settur tal-‘consumer goods’ huma fit-tieni post. Is-settur tal-karozzi jidher li qed inaqqas f’dik li hi innovazzjoni, minkejja li għad hemm tliet kumpaniji tal-karozzi li għadhom fl-ewwel 10 postijiet.
Il-kumpanija Apple kienet u għadha l-iktar kumpanija innovattiva fid-dinja. Ilha fl-ewwel post għal dawn l-aħħar għaxar snin. Warajha hemm il-Google. Is-sena l-oħra fit-tieni post kien hemm il-kumpanija Samsung (li din is-sena niżlet fit-tielet post). Il-Microsoft hija fir-raba’ post u l-IBM hija fil-ħames post. Dawn il-kumpaniji ħolqu ‘kultura sħiħa ta’ innovazzjoni’ qalu l-BCG. Fis-sitt post hemm il-kumpanija Amazon, warajha l-kumpanija Ġappuniża Toyota, u warajha hemm Tesla mill-Istati Uniti. Facebook qiegħed fid-disa’ post u Sony fl-għaxar post.
Xi wħud mill-kumpaniji mxew ’il quddiem fil-lista. Mid-39 post, Siemens imxiet għal 15-il post u l-Philips mid-49 post niżlet fl-14-il post.
Fuq skala internazzjonali, il-lista hija dominata minn kumpaniji Amerikani. Filfatt mill-kumpaniji kollha li ġew fl-ewwel 20 post, 14 minnhom huma Amerikani. In-nazzjonijiet li nsibu fl-ewwel 20 post huma l-Korea t’Isfel (2 kumpaniji), il-Ġapan (żewġ kumpaniji) u l-Ġermanja.
Fil-lista kollha nsibu 25 grupp Amerikan, u 13 Ewropej. BCG innutaw li l-kumpaniji li ġejjin minn ekonomiji li għadhom emerġenti, għamlu ħafna progress għax irnexxielhom ikollhom 5 kumpaniji fl-ewwel 50 post. Dawn qed jinvestu ħafna aktar milli kienu qed jagħmlu fis-snin ta’ qabel f’dak li għandu x’jaqsam ma’ innovazzjoni. Għalhekk il-lista għad terġa’ tinbidel fis-snin li ġejjin. BCG intervistat 1,500 persuna fi gradi maniġerjali f’kumpaniji differenti biex ħarġet b’din il-lista.

Facebook Comments

Post a comment