Il-Greċja qed taffaċċja kriżi umanitarja bl-influss ta’ immigranti. L-Uffiċċjal għoli tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres appella lill-Unjoni Ewropea biex tagħti aktar għajnuna lil dan il-pajjiż. Minkejja l-isforzi tal-Greċja biex tilqa’ għal dan l-influss, il-gvern Grieg, diġa` bi problemi finanzjarji kkawżati mid-dejn li għandu, ma jistax jagħti kenn lill-immigranti li qed jaħarbu mill-vjolenza u r-ripressjoni f’pajjiżhom. L-NGO ‘Human Rights Watch’ ħabbret li l-kundizzjonijiet li qed jgħixu fihom l-immigranti huma ħżiena ħafna, speċjalment f’Kos.

L-Ipproċessar tal-immigranti qed idum 3 ġimgħat jew aktar minħabba n-numru kostanti ta’ immigranti li qed jaslu u n-nuqqas ta’ ħaddiema biex jaħdmu magħhom. L-NGO intervistat mitt immigrant li kienu għadhom kemm waslu fil-gżejjer Aegen tal-Greċja bħal Lesbos, Chios, Samos, Leros u Kos. Kollha vjaġġaw mit-Turkija bid-dgħajsa fix-xahar li għadda. Ħafna minn dawk intervistati kienu ġejjin mis-Sirja u l-Afghanistan. 24 tifel u tifla, l-aktar subien ta’ bejn il-15 u is-17-il sena kienu qed jivvjaġġaw waħedhom. Minn Mejju ’l hawn, is-sitwazzjoni tal-immigranti fil-Greċja ddeterjorat ħafna għax qed jaslu aktar minn 1000 persuna hemmhekk kuljum.

Facebook Comments

Post a comment