L-Ewropej qed imorru aktar iċ-ċinema. Fl-2014 l-attendenza żdiedet b’0.6% li tfisser li b’kollox inbiegħu 911 miljun biljett, jiġifieri 5.4 miljun aktar mill-2013. Din iż-żieda nħasset l-iżjed bis-saħħa ta’ Franza (+14.8 miljun, +7.7%) u Spanja (+10.5 miljun, +13.6%). Fi Franza ż-żieda saret permezz tas-suċċess li qed ikollhom films lokali tant li fi 30 sena l-attendenza laħqet l-ogħla livelli.
F’dawn l-aħħar sentejn numru ta’ pajjiżi Ewropej irreġistraw tnaqqis fl-attendenza fiċ-ċinema. 9 stati biss minn 27 irreġistraw żieda fil-bejgħ tal-biljetti. Dawn kienu l-Polonja (+11.2%), l-Islovakkja (+10.8%), ir-Rumanija (+10.5%), l-Ungerija (+8.4%), ir-Repubblika Ċeka (+4.5%) u l-Belġju (+0.8%).
L-iktar stati li rreġistraw tnaqqis fl-attendenza huma l-Ġermanja (-6.1%), ir-Renju Unit (-4.9%) u l-Italja (-6.1%). F’Malta s-suq ukoll qed jirreġistra tnaqqis. Barra mill-Unjoni, ir-Russja tibqa’ t-tieni l-akbar suq Ewropew għall-films b’bejgħ ta’ 175 miljun biljett.

Facebook Comments

Post a comment