Alfred Sant wissa li mhux iż-żmien li l-ispiża tas-self togħla jew li l-banek jibżgħu milli jieħdu r-riskji tas-self. L-EwroParlamentari Malti sostna li fil-bidliet li jinsabu għaddejja biex tiddaħħal l-Unjoni Bankarja fl-Ewropa, jeħtieġ tingħata attenzjoni akbar għal kif dawn il-bidliet se jżidu fl-ispejjeż tal-banek u kif se jaffettwaw il-ħeġġa tal-banek biex isellfu lill-impriżi, speċjalment dawk żgħar.

Alfred Sant kien qed jagħti spjega tal-vot tiegħu fil-Parlament Ewropew waqt l-aħħar laqgħa plenarja ta’ Strasburgu dwar riżoluzzjoni li tagħti poteri lill-Bank Ċentrali Ewropew li jwaħħal multi u sanzjonijiet fuq banek li joperaw fiż-żona tal-ewro, meta ma jsegwux ir-regoli l-ġodda tal-Unjoni Bankarja. Bħall-bqija tal-grupp soċjalista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant astjena fuq il-vot imma ta r-raġunijiet tiegħu, permezz ta’ spjega miktuba, għaliex għamel hekk.
Alfred Sant sostna li ċerti bidliet fis-sistemi bankarji Ewropej huma meħtieġa biex jiżguraw li l-banek jitmexxew bi prudenza u bi trasparenza.
Min-naħa l-oħra jrid jinżamm bilanċ biex il-bidliet ma jservux biss biex jgħollu l-ispejjeż li jkollhom iġorru l-banek ħalli jlaħħqu mar-regolamenti l-ġodda, għax b’hekk il-banek se jgħollu il-prezz tas-self tagħhom jew se joqogħdu lura milli jsellfu.
L-EwroParlamentari Malti staqsa kemm fil-fatt dan il-bilanċ qed jinżamm bħalissa.

Facebook Comments

Post a comment