Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lil Spanja u lir-Renju Unit biex jimxu mar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħażna taż-żejt li sippost daħlu fil-liġi tal-pajjiżi membri fl-2012. Din id-direttiva titlob lil kull stat membru biex ikollu livell minimu ta’ żejt mhux raffinat u/jew prodotti ġejjin minnu fosthom diesel u jet fuel. Il-livell minimu ta’ fuel irid ilaħħaq tal-inqas għal medja ta’ 90 ġurnata ta’ dak li jimporta l-pajjiż kuljum, jew għal 61 ġurnata ta’ konsum domestiku, skont liem ikun l-ogħla. Iż-żewġ pajjiżi għandhom xahrejn biex il-ħażna tagħhom tiżdied. Jekk dan ma jsirx, il-Kummissjoni tista’ ttella’ lil dawn il-pajjiżi quddiem it-tribunal tal-Ġustizzja.
F’Jannar tal-2013 il-KE bdiet proċeduri kontra 17-il stat membru li ma kellhomx ħażna taż-żejt daqs kemm mitlub mill-UE. Minn dak iż-żmien ’l hawn il-Kummissjoni għalqet 11-il proċedura mal-istati li qed jimxu mar-regola. Il-Kummissjoni bħal issa qed teżamina s-sitwazzjoni fl-istati membri l-oħra.

Facebook Comments

Post a comment