Fis-Summit tal-Kunsill tal-Ewropa bejn 25-26 ta’ Ġunju mistenni jkun hemm qbil dwar il-prinċipji bażiċi fit-tqassim tal-immigranti fost il-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea. Dan wara li l-Ministri tal-Intern tal-UE iltaqgħu fil-Lussemburgu fis-17 ta’ Ġunju fejn kien hemm ideat kontrastanti għas-soluzzjoni ta’ solidarjeta` fost l-immigranti li qed jaqsmu mill-Afrika u mill-Mediterran lejn l-Ewropa.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Lussemburgu Jean Asselborn kien ottimist li se jinstabu soluzzjonijiet għall-mekkaniżmi tat-tqassim tal-immigranti u jittama li l-pajjiżi membri jkunu involuti f’dawn il-mekkaniżmi. ‘Ġie aċċettat il-ħsieb ta’ solidarjeta` u responsabbilta` fit-tqassim ġust tal-immigranti li jidħlu fil-pajjiżi tal-UE u l-istati membri qegħdin jifhmu li hemm alternattivi oħra għal dawn il-proposti’ qal Asselborn. Għadu mhux deċiż jekk dawn il-mekkaniżmi humiex obbligatorji jew volontarji. Irid ikun stabbilit jekk dan hux se jkun arranġament temporanju u jekk ifissirx li se jkun emendat it-Trattat ta’ Dublin li jgħid espliċitament li l-pajjiż li jilqa’ lill-immigranti jkun responsabbli għalihom.

F’din il-laqgħa l-Italja aċċettat l-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet barranin minn stati membri oħra biex ikunu identifikati l-immigranti. Il-laqgħa saret waqt li Pulizija Franċiża ma ħallietx immigranti jitilqu mit-territorju Taljan. Ftit qabel, il-Prim Ministru Taljan Renzi wissa li se jagħti permess għal residenzi temporanji biex l-immigranti jkunu jistgħu jidħlu fiż-żona Schengen. Għad irid ikun aċċettat jekk l-istrateġija aggressiva tal-Italja biex tiżgura s-solidarjeta` fost il-pajjiżi tal-UE ħallietx il-frott. Il-Ministru Taljan Angelino Alfano qal li fil-laqgħa kien hemm diskussjonijiet ‘pożittivi’.

Il-KE qed tipproponi li l-pajjiżi membri jaqsmu bejniethom 40,000 immigranti li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Mill-bidu tas-sena diġa` waslu 100,000 immigrant fl-Ewropa. It-tqassim se jsir fuq erba’ kriterji: Il-prodott gross nazzjonali; il-popolazzjoni; ir-rata tal-qgħad; u l-għadd ta’ immigranti fil-pajjiżi tal-EU. Din il-proposta ġiet ikkritikata mill-pajjiżi tal-Lvant tal-UE.

Facebook Comments

Post a comment