Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li kumpaniji milquta f’żoni ta’ gwerra u attivitajiet terroristiċi fil-pajjiżi tal-hekk imsejħa ‘rebbiegħa Għarbija’, inkluż il-Libja, għandhom jingħataw l-istess għajnuna bħal dawk il-kumpaniji li ntlaqtu ħażin bil-globalizzazzjoni. Mhux ġust li ħaddiema ta’ kumpaniji li investew fil-Libja, mhux jingħataw l-istess trattament bħal ħaddiema li qed igawdu mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Mhix ħaġa ġusta li ħaddiema ta’ impriżi ta’ daqs mezzan jew ċkejken, li investew f’pajjiż bħal-Libja u issa jinsabu f’qagħda tassew diffiċli mhumiex jingħataw l-istess trattament mill-Unjoni lil kumpaniji u ħaddiema oħra fl-istess qagħda.

Alfred Sant qal li vvota favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew li jaġġusta għall-globalizzazzjoni fir-rigward ta’ Andersen Ireland u f’każijiet oħra simili li tressqu quddiem din il-Kamra għax il-ħaddiema li ntlaqtu ħażin mill-globalizzazzjoni jixirqilhom l-appoġġ meħtieġ. ‘Kieku ma kienx għalhekk, kont nivvota kontra. L-effetti tal-globalizzazzjoni ma jinħassux biss meta ażjendi jagħlqu jew inaqqsu n-nies b’riżultat ta’ riċessjoni. Lil hinn mill-effetti tal-2008, il-globalizzazzjoni wasslet għal disturbi kbar fi ħdan u bejn il-ġnus. Fil-pajjiżi ta’ madwar ir-Russja u l-pajjiżi tal-hekk imsejħa “rebbiegħa Għarbija”, inkluża l-Libja, id-disturbi ħarbtu l-kummerċ u l-investiment. L-aktar milquta huma azjendi żgħar li nvestew bil-kbir f’rabtiet li llum huma milquta mill-ħerba ta’ kważi gwerra jew ta’ ħidmiet terroristiċi fi sfond ta’ gwerra ċivili. Ikun xieraq li azjendi li ntlaqtu b’dan il-mod u tilfu x-xogħol jingħataw appoġġ bħal ma jiġri fil-każ ta’ ażjendi oħra li ntlaqtu ħażin mill-globalizzazzjoni.’ Qal Sant li żied jgħid li meta staqsa lill-Kummissjoni Ewropea dwar dan ma ngħatax risposta sodisfaċenti.

Facebook Comments

Post a comment